Image

Reazzjoni tal-IĠM għar-risposta tal-Prim Ministru għall-protest li sar dwar dak li seħħ f’Kastilja fil-lejl ta’ bejn id-29 u t-30 ta’ Novembru 2019

6 ta’ Diċembru 2019

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin iħoss li r-risposta tal-Prim Ministru għall-Protest li sar kontrih mill-IĠM u numru ta’ ġurnalisti oħra, dwar l-aġir illegali li twettaq fil-konfront ta’ ġurnalisti Maltin u barranin li attendew għall-konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja fil-lejl bejn id-29 u t-30 ta’ Novembru, ikompli jikkonferma l-problemi serji li qed jiffaċċjaw il-ġurnalisti f’pajjiżna.

Permezz tal-Avukat Ġenerali, l-Prim Ministru qal li l-ġurnalisti attendew volontarjament għal din il-konferenza li għaliha kien hemm proċedura li tipprovdi għall-ordni ta’ ħruġ mis-sala fejn saret il-konferenza billi l-ewwel joħroġ mis-sala l-Prim Ministru u l-Ministru li kienu jakkumpanjawh u warajhom joħorġu l-pesuni l-oħra.

Il-ġurnalisti preżenti jiċħdu li f’xi mument kienu nfurmati b’din il-proċedura li żgur dwarha ma kien hemm ebda ftehim.

Il-Prim Ministru qal li hu fatt paċifiku li min jorganizza avveniment għandu dritt jistabilixxi proċedura għal dak l-avveniment. Il-Prim Ministru jaf li kemm il-darba l-ġurnalisti attendew għal avvenimenti organizzati minnu u qatt ma kienu stabbiliti proċeduri simili. Għalhekk jekk f’din l-okkażżjoni nħasset il-ħtieġa li tkun stabbilita xi proċedura partikolari, min attenda għaliha fuq stedina tal-Uffiċċju tiegħu kellu jkun infurmat b’din l-istedina.
Fil-Kontro Protest intqal li l-avvenimenti pubbliċi dejjem isegwu Protokoll dwar kif isir il-ħruġ fi tmiem l-avveniment. L-IĠM jistaqsi xi protokoll hu dan, ma’ min kien miftiehem u min kien jaf bih. Qatt qabel din l-okkażżjoni ma kien segwit tali protokoll jekk verament jeżisti.

Il-Prim Ministru qal ukoll li ma tħalliex joħroġ kulħadd f’daqqa mil-laqgħa biex ma jkunx hemm rassa, b’riskju wkoll għas-sigurtà. Dan hu insult għall-ġurnalisti li l-IĠM jikkundanna bil-qawwa kollha. Il-ġurnalisti qatt ma kkaġunaw rassa jew riskju għas-siġurtà, anzi diversi drabi jkunu huma nfushom li jsibu ruħhom f’riskju għas-sigurtà tagħhom biex jaqdu dmirhom.

Il-Prim Ministru fil-Kontro Protest tiegħu ma qal xejn dwar il-persuni li mbarraw il-bibien tas-sala bil-preżenza tagħhom u ma ħallewx lill-ġurnalisti joħorġu mis-sala.. Implika li dawn il-persuna li ma riedux jidentifikaw ruħhom u ma kellhom ebda tip ta’ identifikazzjoni kienu “addetti għas-sigurtà”.

L-IĠM jistaqsi, jekk dawn humiex impjegati tal-Gvern? Min qabbadhom biex ikunu “addetti għas-sigurtà”? Għaliex inħass il-bżonn, f’din l-okkażżjoni biss li jkum hemm addetti għas-sigurtà meta l-ġurnalisti li tħallew jidħlu għall-konferenza stampa kienu kollha identifikati u ġurnalisti ‘bona fide’? Dan hu insult ieħor għall-ġurnalisti li xi ħadd ħass il-bżonn li jagħmel is-sigurtà fuqhom biex ma jagħmlux xi ħaġa mhux proprja.

L-IĠM isostni li f’dik l-okkażżjoni, is-suppost “addetti għas-sigurtà” wettqu azzjoni illegali meta ma ħallewx lill-ġurnalisti joħorġu minn Kastilja immedjatament wara li ntemmet il-konferenza tal-Prim Ministru. Dan sar biex il-ġurnalisti ma jkunux jistgħu jaqdu dmirhom u jagħmlu d-domandi li ma tħallewx jagħmlu waqt il-konferenza fejn il-Prim Ministru ħa biss numru limitat ħafna ta’ domandi meta kien hemm aktar ġurnalisti li xtaqu jagħmlu d-domandi tagħhom.

Il-Prim Ministru temm il-kontro protest tiegħu billi qal li l-“addetti tas-sigurtà” kienu hemm biex jikkontrollaw il-folol. Jekk għall-Uffiċċju tal-Prim Ministu numru ta’ ġurnalisti mistiedna, għandhom jitqiesu “folla” u hemm bżonn li jkunu maniġġjati min “addetti għas-sigurtà”, allura veru li l-ogħla awtoritajiet tal-Gvern ma għandhom ebda rispett lejn il-membri tal-istampa.

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin irid jerġa’ jikkundanna bil-qawwa kollha dak li seħħ wara l-imsemmija konferenza stampa, jikkundanna t-tweġiba uffiċjali tal-Prim Ministru għall-protesta tiegħu u jsostni li se jibqa’ jaqdi dmiru u jipproteġi b’kull mod l-eżerċizzju ħieles tal-ġurnaliżmu liberu f’pajjiżna.

Hawn taħt tistgħu issibu kopja tal-kontro-protest li irċieva l-IĠM mingħand l-Uffiċċju tal-Prim Ministru: