Image

L-IĠM jilqa’ l-aħbar li l-Gvern laqa’ l-appell tal-IĠM billi se jagħti appoġġ finanzjarju lill-ġurnalisti u inkluda lill-fotografi freelancers fil-lista ta’ negozji li se jingħataw għajnuna finanzjarja

Appell għal aktar dettalji dwar x’tip ta’ għajnuna se tingħata

3 ta’ April 2020

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jilqa l-aħbar li l-Gvern laqa’ l-appelli li saru mill-IĠM f’ittra lill-Prim Ministru Robert Abela il-ġimgħa l-oħra: 1) l-għoti ta’ finanzjament lill-mezzi tax-xandir, b’rikonoxximent bħala pilastru ewlieni f’demokrazija u 2) iż-żieda ta’ fotografi freelance fil-lista ta’ persuni li se jibbenefikaw mill-għajnuna finanzjarja riżultat tal-impatt negattiv li qed tħalli l-COVID19.


Kif semmejna fl-istqarrija preċedenti, il-familja ġurnalistika, għandna numru ta’ ġurnalisti u fotografi/camerapersons li huma freelancers, jaħdmu għal rashom, li d-dħul tagħhom diġa’ naqas drastikament għax ix-xogħol tagħhom naqas billi per eżempju, bħalissa ma huma organizzati ebda attivitajiet sportivi, soċjali jew attivitajiet tal-massa li minnhom jiddependi ħafna mid-dħul ta’ dawn il-ġurnalisti.

Fl-aħħar jiem, f’laqgħa mal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Vera Jourova, il-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti (EFJ) li l-IĠM hija membru tagħha, iddiskutiet il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea u l-Gvernijiet tal-Istati Membri, joħolqu pjan ta’ rkupru għas-settur ġurnalistiku li hu kruċjali f’demokrazija.

L-għaqda li tirrapreżenta lill-ġurnalisti appellat biex dan il-pjan ta irkupru ikun jinkludi:

– Żieda fl-iffinanzjar li l-istati jgħaddu lill-media,

– Appoġġ finanzjarju dirett għall-ġurnali ta’ kuljum u l-gazzetti –ta’ kull ġimgħa (għajnuna diretta, sussidji ta’ emerġenza biex jinżammu l-impjiegi, self bla imgħax, kreditu ta’ taxxi fuq il-pagi tal-purnalisti, tax credits lid-djar li għandhom abbonament fil-ġurnali, żjieda fir-reklamar tal-Gvern fil-media.

– Sussidji li jitqassmu minn korp indipendenti fuq kriterji oġġettivi bħalma huma: prova ta’ telf ta’ dħul minn reklamar, u media li jinsabu f’periklu għal raġunijiet finanzjarji.

– Jinħolqu Fondi mill-Unjoni Ewropea jew mill-pajjiżi membri msejħa “News Innovation Funds” li jgħinu, permezz ta’ korp indipendenti li jkunu jinkludi organiżazzjonijiet ġurnalistiċi, modi ġodda kif jinġabru l-aħbarijiet fuq livell komunitarju. Dan il-Korp ikun jista’ jqassam għotjiet biex jgħin il-ġurnaliżmu investigattiv u ‘start ups’ tal-aħbarijiet, fost innovazzjonijiet oħra.

– Vouchers ta’ abbonament fil-media stampata jew online, li jingħataw liċ-ċittadini kollha li għandhom 18 jew 19 il-sena.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewopea wiegħdet lill-Federazzjoni tal-Ġurnalisti Ewropej li se twassal dawn it-talbiet lill-Kummissjoni u se terġa’ tiltaqa’ mal-Federazzjoni fi żmien ħmistax il-ġurnata b’aġġornament ta’ dan it-talbiet.

Sadattant hi ħeġġet lill-organiżazzjonijiet nazzjonali tal-ġurnalisti biex jippressaw lill-Gvernijiet rispettivi tagħhom għal għajnuna mill-Istat u tat garanzija li l-Kumissjoni Ewropea taħt ebda ċirkostanza ma hi se topponi li tingħata għajnuna simili mill-gvernijiet tal-pajjiżi membri.

Għalhekk, l-Istitut tal-Ġurnalisti mill-ġdid jirringrazzja lill-Gvern Malti li fehem is-sitwazzjoni diffiċli li għaddejjin minnha l-kmamar tal-aħbarijiet lokali u l-irwol kruċjali tagħhom. Fl-istess waqt, l-IĠM jappella lill-Gvern biex jispeċifika fid-dettall x’tip ta’ għajnuna se tkun qed tingħata lis-settur ġurnalistiku.

Il-ġurnaliżmu hu pilastru tad-demokrazija u għalhekk jinħtieġlu kull għajnuna aktar u aktar f’dawn iż-żminijiet diffiċli.

Image

L-IĠM jappoġġja s-sejħa biex il-Gvern jgħin lill-kmamar tal-aħbarijiet u t-twaqqif ta’ fond għall-media

21 ta’ Marzu 2020

F’dawn iż-żminijiet diffiċli li Malta, bħall-bqija tad-dinja, għaddejja minnhom minħabba l-pandemija tal-COVID19, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin isellem għaldarboħra lill-ġurnalisti

Maltin kollha li bil-ħidma sfieqa tagħhom qed iwasslu lill-pubbliku Malti u Għawdxi l-aħbarijiet lokali u internazzjonali dwar din l-imxija kiefra kif ukoll aħbarijiet oħra ta’ interess ġenerali.

Min-naħa l-oħra, l-Istitut tal-Ġurnalisti jikkundanna bil-qawwa kollha lil dawk li fuq il-mezzi soċjali tal-komunikazzjoni, ipoġġu u jiktbu affarijiet li ma jkunux ivverifikaw mal-awtoritajiet tas-saħħa jew ma’ esperti fil-qasam, li jistgħu joħolqu paniku fost il-pubbliku.

L-Istitut jibqa’ jsostni li kulħadd għandu joqgħod għad-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika u kemm jista’ jkun jibqa’ ġewwa biex dan il-virus ma jkomplix jinxtered fostna.

L-awtoritajiet tas-saħħa għandhom bżonn lilll-ġurnalisti u l-mezzi tal-istampa u x-xandir biex iwasslu d-direttivi u t-twissijiet tagħhom. Għalhekk filwaqt li mill-ġdid isellem lit-tobba infermiera, spiżjara, il-paramediċi u lill-forzi tas-sigurtà li f’dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli jkomplu jagħtu s-servizz sħiħ tagħhom lejn il-komunità, l-Istitut jitlob li anke l-ġurnalisti għandhom ikunu protetti mhux biss f’saħħithom imma anke fl-impjieg tagħhom li jista’ jintlaqat ukoll mill-kriżi ekonomika li bilfors se tolqot lil pajjiżna.

Ix-xogħol tal-media hu wieħed essenzjali f’kull pajjiż demokratiku. F’ċirkostanzi bħal dawk attwali, is-settur ġurnalistiku isir aktar importanti u sfortunatament anke aktar vulnerabbli ekonomikament.

Għalhekk l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, filwaqt li jappoġġja t-talba li saret ftit jiem ilu, biex il-Gvern jgħin lill-kmamar tal-aħbarijiet kollha tal-pajjiż ma jistax ma jinnotax u jappoġġja l-proposta li saret illum mill-Oppożizzjoni, biex il-Gvern iwaqqaf Fond għall-Media biex din tkun tista’ tkompli twassal l-aħbarijiet dwar il-Coronavirus u aħbarijiet oħra lill-pubbliku Malti u Għawdxi.

Jekk nemmnu fir-rwol importanti tal-media bħala r-raba’ pilastru tad-demokrazija, din il-proposta għandha ssib l-appoġġ ta’ kulħadd u tkun implimentata malajr kemm jista’ jkun ma’ proposti oħra li diġa’ tressqu lill-awtoritajiet tal-pajjiż.