Image

Appell biex il-korp tal-Pulizija isejjaħ konferenza tal-aħbarijiet

27 ta’ Novembru 2019

L-IĠM jinnota li mindu bdew ħerġin l-ewwel dettalji dwar l-aħħar żviluppi relatati mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-korp tal-Pulizija għadu lanqas sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet biex jinforma lill-pubbliku bl-aħħar żviluppi dwar l-investigazzjonijiet. Dan ikompli iżid l-ispekulazzjoni li ma jagħmilx ġid speċjalment f’dawn iċ-ċirkostanzi delikati. Għaldaqstant insejjħu lill-korp tal-Pulizija biex isejjaħ lill-media biex kuljum jaġġorna lill-pubbliku bl-aħħar dettalji u jikkonferma jew jiċħad id-dettalji li jkunu ħarġu fil-pubbliku.

Image

L-IĠM jikkundanna intimidazzjoni, theddid jew attakki li saru fuq membri tal-istampa waqt il-qadi ta’ dmirijiethom

27 ta’ Novembru 2019

Il-Kunsill tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jikkundanna bla ebda riserva kull tip ta’ intimidazzjoni, theddid jew attakki li jsiru kontra membri tal-istampa waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

Il-Kunsill wasallu rapport li waqt il-protesta li saret it-Tlieta, 26 ta’ Novembru quddiem il-bini tal-Parlament u wara kompliet fi Pjazza Kastilja, ġurnalisti kienu nsulentati, mhedda u saħansitra ssutati minn xi nies li kienu qed jieħdu sehem fil-protesta. Il-Kunsill jikkundanna dan bil-qawwa kollha.

F’dawn iż-żminijiet li fihom qed iseħħu fil-pajjiż avvenimenti ta’ importanza straordinarja, l-ġurnalisti għandhom ikunu liberi u ħielsa li jirrappurtaw dak li jkun qed jiġri mingħajr ebda tfixkil jew intimidazzjoni ta’ kull xorta li tkun.

Għalhekk il-Kunsill waqt li jesprimi solidarjetà sħiħa mal-ġurnalisti konċernati, jappella għall-kalma anke meta dawn l-attivitajiet u protesti jkunu organizzati minn għaqdiet, organiżazzjonijiet jew NGOs oħra. Nieħdu l-okkażjoni biex nirringrazzjaw lill-uffiċjali tal-Pulizija li ħadu azzjoni immedjata u skortaw lill-ġurnalisti konċermnati u offrew protezzjoni.
Mingħajr il-ħidma tal-ġurnalisti, huma min huma, il-pajjiż ikun fqir u d- demokrazija tkun imnaqqra.

Image

L-IĠM jissosspendi l-membri tiegħu mill-bord tal-Fondazzjoni Tumas Fenech għall-Edukazzjoni fil-Ġurnaliżmu

24 ta’ Novembru 2019

Il-Kunsill tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin informa lill-Fondazzjoni Tumas Fenech għall-Edukazzjoni fil-Ġurnaliżmu li qed jissospendi liż-żewġ rappreżentanti tiegħu mill-Bord tat-Trustess tal-istess Fondazzjoni.

Il-Kunsill iħoss li fid-dawl tal-aħħar żviluppi li seħħew fil-pajjiż, fejn membru prominenti tal-familja li tiffininazja din il-Fondazzjoni, kien arrestat b’konnessjoni mal-investigazzjonijiet tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ma għandux jibqa’ assoċjat mal-imsemmija Fondazzjoni, sakemm isem is-Sur Yorgen Fenech jibqa’ taħt id-dell li ntefa’ fuqu bl-arrest tiegħu mill-pulizija.

Il-Kunsill informa lill-Fondazzjoni b’din id-deċiżjoni u rringrazzjaha tal-kollaborazzjoni u x-xogħol siewi li wettqet fl-imgħoddi fil-qasam tal-ġurnaliżmu f’pajjiżna.

Image

L-IĠM jikkundanna ċ-ċensura mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fil-konfront ta’ kmamar tal-aħbarijiet

22 ta’ Novembru 2019

Il-Kunsill Eżekuttiv tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin fl-aħħar ħinijiet irċieva ilmenti li kmamar tal-aħbarijiet ma ġewx mistiedna għal aktar minn darba biex jattendu għal stqarrijiet importanti mill-Prim Ministru Joseph Muscat dwar l-aħħar żviluppi relatati mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-kunsill ġie infurmat li minkejja li kmamar tal-aħbarijiet ppruvaw jagħmlu kuntatt mal-uffiċjali responsabbli mill-komunikazzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, dawn mhux jingħataw widen.

Quddiem dawn ir-rapporti, l-IĠM jikkundanna bl-aktar mod kategoriku din iċ-ċensura. Il-Gvern m’għandu fl-ebda każ jagħżel lil min jistieden għall-konferenza tal-aħbarijiet, speċjalment meta dawn ikunu ta’ importanza nazzjonali bħal ma huma l-istqarrijiet li qed jagħmel il-Prim Ministru dwar l-aħħar żviluppi relatati mal-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia.

L-IĠM isejjaħ lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex iwaqqaf minnufih dawn il-prattiċi ħżiena li qed jiġu adottati. Kull kamra u kull ġurnalist għandu jiġi trattat l-istess mill-Gvern u jitħalla jaħdem fil-libertà, hu min hu, ġej minn fejn ġej.