Image

COVID/19 – Linji Gwida għall-Ġurnalisti

17 ta’ Marzu 2020

Fid-dawl tal-aħħar żviluppi dwar il-COVID-19, l-Istitut tal-Ġurnlaisti Maltin jixtieq jirringrazzja lill-ġurnalisti, fotografi, camerapersons u dawk kollha li qed iwasslu l-aħħar informazzjoni dwar il-virus. Il-ġurnalisti qed ikollhom rwol kruċjali biex ikunu ta’ servizz għall-pubbliku billi qed iwasslu informazzjoni utli biex il-pubbliku jaġixxi b’deċiżjonijiet infurmati.

L-IĠM jappella lill-ġurnalisti biex f’ħidmiethom isegwu dawn il-punti, intiżi biex ma jinħoloqx paniku żejjed waqt li jibqgħu jkollna rappurtaġġ fattwali u ibbilanċjat:

  • Jiġu kwotati dejjem sorsi uffiċjali, partikolarment esperti mediċi,
  • Inkunu kawti fit-titli li nużaw biex ma noħolqux allarm bla bżonn
  • Inkunu kawti fl-aġġettivi li jintużaw fl-artikli biex ma jinħoloqx alarm bla bżonn
  • Attenzjoni għar-ritratti u l-filmati li jintużaw mal-istejjer biex jitwassal il-messaġġ
    meħtieġ, ma jinħolqux preġudizzji/sterjotipi fuq persuni li jistgħu jidhru fir-ritratti u biex ma jinħoloqx allarm bla bżonn
  • Insegwu ċ-Charter ta’ Etika Ġurnalistika tal-IFJ li għandna nħaddnu dejjem f’ħidmietna

Fi żminijiet bħal dawn, il-media għandha tkun punt ta’ referenza u ta’ fiduċja għall-pubbliku, li bħalissa hu mifni b’fake news u spekulazzjonijiet varji li jistgħu ikunu qed iduru fuq il-media soċjali. Nappellaw lill-pubbliku biex jinforma ruħu fuq xoghol il-ġurnalisti li huma marbuta li jivverifikaw l-informazzjoni li jippublikaw.

Il-ġurnalisti jinsabu hemm biex iservu lill-pubbliku. F’każ li s-sitwazzjoni tmur għall-agħar, il-ġurnalisti jibqgħu għodda kruċjali biex titwassal l-aħħar informazzjoni u l-aktar waħda fattwali lill-pubbliku. Għaldaqstant, ħejjejna numru ta’ miżuri li l-ġurnalisti jistgħu jieħdu biex jipproteġu lilhom infushom:

  • Żommu mill-inqas żewġ metri ‘il bogħod minn persuni oħra,
  • Neħħu il-windshield tal-microphone li jista jigbor fih ħafna mikrobi,
  • Naddfu l-apparat (inkluż microphone, kameras u anke il-mobiles) b’mod regolari b’antiseptic wipes
  • Żommu antiseptic hand rub jew wipes fil-karozzi u naddfu idejkom wara kull servizz
  • Ħallu siġġu jew tnejn vojta bejnkom u bejn persuni oħra
  • L-użu ta’ mic-exentension hu suġġerit

Nappellaw lill-awtoritajiet biex il-gurnalisti, anke dawk li jahdmu fuq bazi freelance, jitħallew jibqgħu jaħdmu anke jekk is-sitwazzjoni tmur għall-agħar. Xogħol il-ġurnalist hu essenzjali mhux biss biex jitrażmettu l-informazzjoni tal-awtoritajiet imma anke biex ikun il-vuċi tal-pubbliku. Għalhekk nappellaw ukoll biex anke jekk jittieħdu miżuri ta’ prekawzjoni, il-ġurnalisti jibqa’ jkollhom l-opportunità li waqt il-konferenzi tal-aħbarijiet, il-ġurnalisti jitħallew jagħmlu il-mistoqsijiet tagħhom u r-restrizzjoni titwessa għal tliet domandi kull ġurnalist mhux waħda biss.

Is-sitwazzjoni ma tħallix triq oħra lill-IĠM biex jissospendi l-Laqgħa Ġenerali Annwali skedata ghas-7 t’April għal data ohra fil-futur. Id-data tigi komunikata ‘il quddiem.

L-IĠM jixtieq jirringrazzja ukoll lill-ħaddiema kollha li jaħdmu fis-servizzi tas-saħħa għax-xogħol li qed iwettqu f’dan iż-żmien delikat. Aħna kommessi li niġbdu ħabel wiehed għall-ġid komuni.

TMIEM.
(N.B. – Hawn taħt qed ngħaddulkom links ta’ artikli maħruġa, fosthom minn istituzzjonijiet rinomati, li jagħtu punti li għandna nagħtu każ fi żminijiet bħal dawn.

https://www.poynter.org/reporting-editing/2020/how-newsrooms-can-tone-down-their-coronavirus-

https://firstdraftnews.org/latest/tips-for-reporting-on-covid-19-coronavirus-and-slowing-the-spread-of-

https://ijnet.org/en/story/10-tips-journalists-covering-covid-19

Image

Infakkru lill-ġurnalisti isegwu dejjem standards għolja ta’ etika ġurnalistika

27 ta’ Novembru 2019

Infakkru lill-ġurnalisti jibqgħu isegwu standards għolja ta etika ġurnalistika kif identifikat fic-Charter of Ethics mħaddan mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalizmu (IFJ), biex ikunu responsabbli ta’ dak li jghidu u jivverifikaw sew l-informazzjoni li taslilhom.

Hawnhekk, l-IĠM tirreferi għal rapport li irċiviet mingħand il-Malta Police Association dwar rapurtaġġ skorrett. Nappellaw għal rappurtaġġ korrett u biex l-għodda ġurnalistika ma tintużax b’qerq biex partiti politiċi jew individwi jirbħu punti politiċi. Infakkru li kull membru tal-media għandu responsabiltà x’jerfa meta jinforma lill-pubbliku.

Ħidma mal-iSpeaker tal-Parlament dwar il-Kodiċi ta’ Etika

Karl Wright with Speaker at Parliament b 05 01 2016
F’attività li saret fil-bini tal-Parlament organizzata mill-Uffiċċju tal-Ispeaker, iċ-Chairman tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin Karl Wright ippropona biex ikun hemm sforz komuni bejn l-Uffiċċju tal-Ispeaker u l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ħalli ssir analiżi tal-Kodiċi tal-Etika għall-Ġurnalisti li tħejja fl-aħħar żmien minn Dr Carmen Sammut.
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Dr. Anġlu Farrugia laqa’ l-proposta tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin biex jingħata bidu għal dan il-proċess bl-appoġġ tal-Uffiċċju tiegħu, u bis-sehem tal-Whips taż-żewġ partiti politiċi rappreżentati fil-Parlament.
Fiż-żmien li ġej se jsiru diskussjonijiet bejn il-partijiet konċernati li għandhom iwasslu biex aktar tard din is-sena jkun organizzat seminar fil-binja tal-Parlament bl-iskop li jsiru l-aħħar emendi fejn jinħass il-bżonn, qabel mal-Kodiċi tal-Etika jidħol fis-seħħ.

Dr. Anġlu Farrugia, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jippreżenta l-ktieb 'The State's duty to inform' lil Karl Wright, Chairman tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin waqt l-attività organizzata mill-Uffiċċju tal-Ispeaker għall-membri tal-medja u eksMembri Parlamentari fl-okkażjoni tas-Sena l-Ġdida.

Dr. Anġlu Farrugia, l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jippreżenta l-ktieb ‘The State’s duty to inform’ lil Karl Wright, Chairman tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin waqt l-attività organizzata mill-Uffiċċju tal-Ispeaker għall-membri tal-medja u eksMembri Parlamentari fl-okkażjoni tas-Sena l-Ġdida.