STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA MILL-IĠM  DWAR IL-PROTEZZJONI TAS-SORS

Vindikat id-dritt tal-Protezzjoni tas-Sors
L-Istitut tal-Ġurnalisti Malti, IĠM, jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrati li s-sors ta’ informazzjoni li titwassal lill-ġurnalist għandha tkun protetta u ħadd ma jista’ jġiegħel ġurnalist jiżvela s-sors tal-informazzjoni tiegħu.

 

Fis-sentenza tagħha l-Qorti kkwotat ukoll sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fejn jingħad li l-protezzjoni tas-sors ta’ informazzjoni hu wieħed mill-kundizzjonijiet bażiċi tal-libertà tal-istampa u jekk ma jkunx hemm din il-protezzjoni, is-sorsi jistgħu jibqgħu lura milli jgħinu lill-istampa biex tinforma lill-pubbliku fuq materji ta’ interess pubbliku. Jekk jiġri hekk, ir-rwol vitali tal-media li tkun il-kelb tal-għassa f’isem il-pubbliku, ikun imminat u l-ħila tal-istampa li tipprovdi informazzjoni preċiża u ta’ min joqgħod fuqha, jintlaqat ħażin.

 

Mingħajr ma jidħol fil-merti tal-każ li fih ingħatat din id-deċiżjoni, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, IĠM, iħoss li din id-deċiżjoni għandha tkompli ssaħħaħ u tiddefendi lill-ġurnalisti fil-qadi ta’ dmirijiethom.
 
Karl Wright
Chairman
IĠM
Advertisements

L-IĠM JAPPOĠĠJA L-APPELL TA’ MEMBRU TAL-ĠUDIKATURA BIEX JITNEĦĦA L-LIBELL KRIMINALI

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, IĠM, jixtieq jingħaqad mar-rakkomandazzjonijiet tal-Maġistrat Francesco Depasquale li f’sentenza li ta nhar il-Ħamis, 22 ta’ Ottubru 2015 fil-Qorti f’kawża ta’ libell, appella lill-Parlament Malti biex jabolixxi l-libell kriminali.
 
L-Istitut ifakkar li hu ilu jmexxi din il-ġlieda u aktar kmieni din is-sena kellu laqgħa mal-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, li għaliha kien hemm preżenti wkoll l-Avukat Ġenerali. Matul din il-laqgħa, il-Ministru kien ingħaqad mal-Istitut billi saħaq li din kienet ta’ priorità u wiegħed lill-IĠM li din kellha tiġi riżolta sa tmiem din is-sena. F’laqgħa separata, din id-darba mal-Prim Ministru, l-IĠM kien sodisfatt jinnota li anki Dr Joseph Muscat wera l-istess impenn.
 
L-Istitut tal-Ġuranlisti Maltin jawgura li issa li din it-talba saret ukoll minn membru tal-ġudikatura li kkwota diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa u n-Nazzjonijiet Uniti, il-leġislaturi Maltin ifittxu jilqgħu dan l-appell.

L-IĠM DWAR IL-KAŻ TAL-IFFRIŻAR TAL-ASSI TA’ ŻEWĠ ĠURNALISTI

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, IĠM, ħa nota ta’ ordni tal-Qorti tal-Maġistrati biex jiġu ffriżati l-assi ta’ żewġ ġurnalisti, u dan wara li tilfu kawża ta’ libell quddiem il-Qorti. Il- Qorti tal-Appell naqqset id-danni li ġew ordnati jħallsu jħallsu minn €11,500 ordnati mill-ewwel Qorti għal €4,000.

L-IĠM innota wkoll li l-istess ġurnalisti fetħu każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, li għadu miftuħ.

Quddiem dan ix-xenarju l-Istitut jagħmel dawn l-osservazzjonijiet:

· Meta jintqal li ż-żewġ ġurnalisti kienu ordnati mill-Qorti biex iħallsu €1,000 u €3,000 rispettivament, wieħed japprezza li huwa fatt magħruf u li hija l-prassi li dawn l-ammonti jitħallsu mill-mediahouse u mhux mill-individwi.

· Inħossu li mhix ġustifikata d-deċiżjoni tal-Qorti li tordna li jiġu ffriżati l-assi tal-individwi, qabel ma jkunu deċiżi l-proċeduri kostituzzjonali miftuħa mill-istess individwi li ħssaew id-drittijiet fundamentali tagħhom mittiefsa.

Sfortunatament, l-Istitut iqis dan il-każ bħala pass lura u theddida diretta għall-ħidma tal-ġurnalisti f’pajjiżna. L-IĠM jesprimi solidarjetà sħiħa maż-żewġ ġurnalisti konċernati li ġew trattati daqs kriminali għax tilfu kawża ta’ libell.

L-IĠM hu tal-fehma li dan il-każ ikompli jiġġustifika kemm illum qabel għada huma meħtieġa riformi fil-liġi tal-libell, inkluż dawk imwiegħda mill-Gvern li sal-aħħar ta’ din is-sena jneħħi t-traċċi kriminali mil-libell kif wegħdna l-Ministru tal-Ġustizzja Dr Owen Bonnici f’laqgħa li bħala Istitut żammejna miegħu fil-preżenza tal-Avukat Ġenerali nhar il-21 ta’April li għadda.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) jappella għar-rispett lejn il-ġurnalist

It-Tlieta 3 ta’ Marzu 2015

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) jagħmel referenza għal dak li ġara f’seduta tal-Qorti lbieraħ fejn Avukat ġie rrappurtat li qal li l-ġurnalist li kien qed jagħti x-xiehda ‘għandu paranoia’ u ‘għandu jara psikjatra’.

Mingħajr ma nidħlu fil-merti tal-każ partikolari, jidhrilna li dan kien diskors lil hinn mill-kompetenza tal-Avukat u li jonqos mir-rispett lill-ġurnalist.

L-IĠM jappella biex anki fejn hemm argumentazzjoni u nuqqas ta’ qbil, ir-rispett jibqa’ jiddistingwi ruħu bħala valur ewlieni rifless fil-kliem u fl-għemil ta’ kulħadd.