Image

L-IĠM jipprotesta għal mod kif ġew trattati l-ġurnalisti – Dawn l-affarijiet m’għandhomx ikunu ripetuti

29 ta’ Novembru 2019

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jipprotesta bil-qawwa kollha kontra dak li seħħ fil-Berġa ta’ Kastilja matul il-lejl li għadda, fejn numru ta’ ġurnalisti Maltin u barranin ma tħallewx joħorġu b’mod immedjat ‘il barra mis-sala fejn saret il-konferenza tal-aħbarijiet biex jirritornaw lejn l-uffiċċji tagħhom wara li ntemmet il-konferenza tal-Aħbarijiet imsejħa mill-Prim Ministru.
Wara li fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu il-ġurnalisti kienu msejħa f’Kastilja għal konferenza tal-aħbarijiet wara laqgħa twila tal-Kabinett, il-Prim Ministru Joseph Muscat għamel dikjarazzjoni u warajha ħa numru limitat ta’ domandi u ma tax ċans lill-ġurnalisti li riedu jagħmlu d-domandi tagħhom. Dan fih innifsu hu nuqqas kbir fil-konfront tal-ġurnalisti li marru jaqdu dmirhom anke f’ħinijiet mhux tas-soltu.

Meta ntemmet il-konferenza tal-Prim Ministru fis-sala dehru numru ta’ persuni li la huma uffiċjali tas-sigurtà u anqas impjegati f’Kastilja li filwaqt li rrifjutaw li jidentifikaw lilhom infushom, żammew lill-ġurnalisti milli joħorġu u jirritornaw lejn l-uffiċċji tagħhom, minkejja l-ħafna protesti.
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jinsisti li dan hu aġir illegali, fejn numru ta’ ġurnalisti nżammew kontra l-volontà tagħhom milli joħorġu minn Kastilja wara li ntemmet il-konferenza u tħallew jagħmlu dan biss wara li l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru dehrlu li dawn setgħu jitħallew joħorġu. Aġir bħal dan hu għal kollox inaċċettabli u ma jagħmilx ġieħ lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru li kien hu li sejjaħ il-konferenza tal-aħbarijiet.

Ma dan nerġgħu nesprimu tħassib dwar intimidazzjoni li ġurnalisti irċivew mingħand dimostranti waqt il-qadi ta’ dimirijiethom. Kull ġurnalist għandu jitħalla liberlu jagħmel xogħolu, hu min hu, ġej mil-liem kamra tal-aħbarijiet ġej.

Għalhekk filwaqt li juri solidarjetà sħiħa mal-ġurnalisti Maltin u barranin li kienu qed jaqdu dmirhom u kienu suġġetti għal dan l-abbuż, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qed jitlob assikurazzjoni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru li affarijiet bħal dawn ma jkunux ripetuti.

L-IGM juri wkoll is-solidarjetà tiegħu ma ġurnalisti li rrapurtaw li kienu mhedda permezz ta’ Facebook u jappella biex l-awtoritajiet jieħdu l-passi meħtieġa kontra dan l-abbuż u biex jintwera r-rispett dovut lill-ġurnalisti li f’dawn il-jiem diffiċli għall-pajjiż kollu qed jibqgħu jaqdu dmirhom għal ħinijiet twal biex iwasslu lill-pubbliku l-aħħar aħbarijiet dwar affarijiet li jolqtu lilna lkoll.

Sadattant l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, kiteb uffiċjalment lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika fejn talbu jippronunzja ruħu jekk dan l-aġir tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru hux konformi ma’ standards pubbliċi f’pajjiż demokratiku; issieħeb ma’ numru ta’ ġurnalisti fi Protest Ġudizzjarju li sar dwar dan l-inċident u nforma bih ukoll lill-Federazzjoni Internazzjonali u lill-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti li appoġġjaw ħidmet l-IĠM f’dan ir-rigward.

Image

Appell biex il-korp tal-Pulizija isejjaħ konferenza tal-aħbarijiet

27 ta’ Novembru 2019

L-IĠM jinnota li mindu bdew ħerġin l-ewwel dettalji dwar l-aħħar żviluppi relatati mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-korp tal-Pulizija għadu lanqas sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet biex jinforma lill-pubbliku bl-aħħar żviluppi dwar l-investigazzjonijiet. Dan ikompli iżid l-ispekulazzjoni li ma jagħmilx ġid speċjalment f’dawn iċ-ċirkostanzi delikati. Għaldaqstant insejjħu lill-korp tal-Pulizija biex isejjaħ lill-media biex kuljum jaġġorna lill-pubbliku bl-aħħar dettalji u jikkonferma jew jiċħad id-dettalji li jkunu ħarġu fil-pubbliku.

Image

Infakkru lill-ġurnalisti isegwu dejjem standards għolja ta’ etika ġurnalistika

27 ta’ Novembru 2019

Infakkru lill-ġurnalisti jibqgħu isegwu standards għolja ta etika ġurnalistika kif identifikat fic-Charter of Ethics mħaddan mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalizmu (IFJ), biex ikunu responsabbli ta’ dak li jghidu u jivverifikaw sew l-informazzjoni li taslilhom.

Hawnhekk, l-IĠM tirreferi għal rapport li irċiviet mingħand il-Malta Police Association dwar rapurtaġġ skorrett. Nappellaw għal rappurtaġġ korrett u biex l-għodda ġurnalistika ma tintużax b’qerq biex partiti politiċi jew individwi jirbħu punti politiċi. Infakkru li kull membru tal-media għandu responsabiltà x’jerfa meta jinforma lill-pubbliku.

Image

L-IĠM jirringrazzja lill-membri tal-istampa għax-xogħol kruċjali li twettaq minnhom fl-aħħar jiem – xhieda li l-ġurnaliżmu hu tassew pilastru f’demokrazija

27 ta’ Novembru 2019

Nieħdu l-okkożjoni biex nirringrazzaw lill-membri tal-media li f’dawn l-aħħar jiem b’determinazzjoni u ħidma sfieqa urew kemm il-ġurnalizmu huwa tassew pilastru ewlieni f’demomrazija, billi żammew lill-pubbliku aġġornat b’dak kollu li qed jiġri, stħarrġu l-informazzjoni li kienet qed tasslilhom u staqsew il-mistoqsijiet b’siegħat twal ta’ ħidma.