Image

L-IĠM jappella lill-Gvern biex jassigura li l-ħaddiema kollha fil-qasam tal-ġurnaliżmu, inkluż il-freelancers, igawdu mill-miżuri finanzjarji u biex il-ġurnaliżmu jkun protett

27 ta’ Marzu 2020

Meta l-parti l-kbira tal-postijiet tax-xogħol huma magħluqa minħabba x-“shutdown parzjali”, ordnat mill-awtoritajiet tas-saħħa, r-reklamar fil-gazzetti u l-mezzi tax-xandir qed jonqos b’mod drastiku. Barra minn dan, minħabba li ħafna nies qed jobdu l-ordnijiet u r-rakkomandazzjonijiet u jibqgħu d-dar, anke l-bejgħ tal-ġurnali naqas.

Dan se jfisser nuqqas ta’ dħul għal media houses li jimpjegaw magħhom ġurnalisti u għalhekk l-impjieg jew id-dħul tal-ġurnalisti tagħna jinsab fil-periklu.

Fil-familja ġurnalistika, għandna numru ta’ ġurnalisti u fotografi/camerapersons li huma freelancers, jaħdmu għal rashom, li d-dħul tagħhom diġa’ naqas drastikament għax ix-xogħol tagħhom naqas billi per eżempju, bħalissa ma huma organizzati ebda attivitajiet sportivi, soċjali jew attivitajiet tal-massa li minnhom jiddependi ħafna mid-dħul ta’ dawn il-ġurnalisti.

Xogħol il-ġurnalist hu wieħed essenzjali f’soċjetà demokratika. Mingħajr il-ħidma tal-ġurnalisti, l-poplu ma jistax jinżamm infurmat dwar dak li qed iseħħ fil-pajjiż. Anke l-Gvern jeħtieġ l-appoġġ u l-għajnuna tal-ġurnalisti biex iwassal il-messaġġ lill-poplu tiegħu.

Il-Gvern ħabbar diversi miżuri biex jgħin lill-ħaddiema li qed jintlaqtu ħażin fiċ-ċirkostanzi attwali tal-pajjiż. Sfortunatament, mhux ċar jekk il-ġurnalisti, inkluż dawk il-fotografi freelancers li jaħdmu għal rashom u naqsilhom ħafna x-xogħol, hux se jibbenefikaw minn dawn il-miżuri u b’liema mod.

F’ittra li l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin bgħat lill-Prim Ministru, appella lill-Gvern biex jassigura li l-ħaddiema kollha fil-qasam tal-ġurnaliżmu, inkluż il-freelancrs, igawdu mill-miżuri finanzjarji mħabbra mill-Gvern u li xogħolhom ikun protett. Ta’ min jgħid li f’diversi pajjiżi madwar id-dinja, partikolarmnet fl-Ewropa, l-ġurnalisti kollha, inkluż il-freelancers, qed isibu għajnuna mill-gvernijiet rispettivi tagħhom, biex fiċ-ċirkostanzi attwali dawn il-ħaddiema jibqa’ jkollhom dħul biex jgħixu ħajja diċenti huma u l-familji tagħhom (dokument mehmuż).

Image

L-IĠM jappoġġja s-sejħa biex il-Gvern jgħin lill-kmamar tal-aħbarijiet u t-twaqqif ta’ fond għall-media

21 ta’ Marzu 2020

F’dawn iż-żminijiet diffiċli li Malta, bħall-bqija tad-dinja, għaddejja minnhom minħabba l-pandemija tal-COVID19, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin isellem għaldarboħra lill-ġurnalisti

Maltin kollha li bil-ħidma sfieqa tagħhom qed iwasslu lill-pubbliku Malti u Għawdxi l-aħbarijiet lokali u internazzjonali dwar din l-imxija kiefra kif ukoll aħbarijiet oħra ta’ interess ġenerali.

Min-naħa l-oħra, l-Istitut tal-Ġurnalisti jikkundanna bil-qawwa kollha lil dawk li fuq il-mezzi soċjali tal-komunikazzjoni, ipoġġu u jiktbu affarijiet li ma jkunux ivverifikaw mal-awtoritajiet tas-saħħa jew ma’ esperti fil-qasam, li jistgħu joħolqu paniku fost il-pubbliku.

L-Istitut jibqa’ jsostni li kulħadd għandu joqgħod għad-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika u kemm jista’ jkun jibqa’ ġewwa biex dan il-virus ma jkomplix jinxtered fostna.

L-awtoritajiet tas-saħħa għandhom bżonn lilll-ġurnalisti u l-mezzi tal-istampa u x-xandir biex iwasslu d-direttivi u t-twissijiet tagħhom. Għalhekk filwaqt li mill-ġdid isellem lit-tobba infermiera, spiżjara, il-paramediċi u lill-forzi tas-sigurtà li f’dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli jkomplu jagħtu s-servizz sħiħ tagħhom lejn il-komunità, l-Istitut jitlob li anke l-ġurnalisti għandhom ikunu protetti mhux biss f’saħħithom imma anke fl-impjieg tagħhom li jista’ jintlaqat ukoll mill-kriżi ekonomika li bilfors se tolqot lil pajjiżna.

Ix-xogħol tal-media hu wieħed essenzjali f’kull pajjiż demokratiku. F’ċirkostanzi bħal dawk attwali, is-settur ġurnalistiku isir aktar importanti u sfortunatament anke aktar vulnerabbli ekonomikament.

Għalhekk l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, filwaqt li jappoġġja t-talba li saret ftit jiem ilu, biex il-Gvern jgħin lill-kmamar tal-aħbarijiet kollha tal-pajjiż ma jistax ma jinnotax u jappoġġja l-proposta li saret illum mill-Oppożizzjoni, biex il-Gvern iwaqqaf Fond għall-Media biex din tkun tista’ tkompli twassal l-aħbarijiet dwar il-Coronavirus u aħbarijiet oħra lill-pubbliku Malti u Għawdxi.

Jekk nemmnu fir-rwol importanti tal-media bħala r-raba’ pilastru tad-demokrazija, din il-proposta għandha ssib l-appoġġ ta’ kulħadd u tkun implimentata malajr kemm jista’ jkun ma’ proposti oħra li diġa’ tressqu lill-awtoritajiet tal-pajjiż.

Image

COVID/19 – Linji Gwida għall-Ġurnalisti

17 ta’ Marzu 2020

Fid-dawl tal-aħħar żviluppi dwar il-COVID-19, l-Istitut tal-Ġurnlaisti Maltin jixtieq jirringrazzja lill-ġurnalisti, fotografi, camerapersons u dawk kollha li qed iwasslu l-aħħar informazzjoni dwar il-virus. Il-ġurnalisti qed ikollhom rwol kruċjali biex ikunu ta’ servizz għall-pubbliku billi qed iwasslu informazzjoni utli biex il-pubbliku jaġixxi b’deċiżjonijiet infurmati.

L-IĠM jappella lill-ġurnalisti biex f’ħidmiethom isegwu dawn il-punti, intiżi biex ma jinħoloqx paniku żejjed waqt li jibqgħu jkollna rappurtaġġ fattwali u ibbilanċjat:

  • Jiġu kwotati dejjem sorsi uffiċjali, partikolarment esperti mediċi,
  • Inkunu kawti fit-titli li nużaw biex ma noħolqux allarm bla bżonn
  • Inkunu kawti fl-aġġettivi li jintużaw fl-artikli biex ma jinħoloqx alarm bla bżonn
  • Attenzjoni għar-ritratti u l-filmati li jintużaw mal-istejjer biex jitwassal il-messaġġ
    meħtieġ, ma jinħolqux preġudizzji/sterjotipi fuq persuni li jistgħu jidhru fir-ritratti u biex ma jinħoloqx allarm bla bżonn
  • Insegwu ċ-Charter ta’ Etika Ġurnalistika tal-IFJ li għandna nħaddnu dejjem f’ħidmietna

Fi żminijiet bħal dawn, il-media għandha tkun punt ta’ referenza u ta’ fiduċja għall-pubbliku, li bħalissa hu mifni b’fake news u spekulazzjonijiet varji li jistgħu ikunu qed iduru fuq il-media soċjali. Nappellaw lill-pubbliku biex jinforma ruħu fuq xoghol il-ġurnalisti li huma marbuta li jivverifikaw l-informazzjoni li jippublikaw.

Il-ġurnalisti jinsabu hemm biex iservu lill-pubbliku. F’każ li s-sitwazzjoni tmur għall-agħar, il-ġurnalisti jibqgħu għodda kruċjali biex titwassal l-aħħar informazzjoni u l-aktar waħda fattwali lill-pubbliku. Għaldaqstant, ħejjejna numru ta’ miżuri li l-ġurnalisti jistgħu jieħdu biex jipproteġu lilhom infushom:

  • Żommu mill-inqas żewġ metri ‘il bogħod minn persuni oħra,
  • Neħħu il-windshield tal-microphone li jista jigbor fih ħafna mikrobi,
  • Naddfu l-apparat (inkluż microphone, kameras u anke il-mobiles) b’mod regolari b’antiseptic wipes
  • Żommu antiseptic hand rub jew wipes fil-karozzi u naddfu idejkom wara kull servizz
  • Ħallu siġġu jew tnejn vojta bejnkom u bejn persuni oħra
  • L-użu ta’ mic-exentension hu suġġerit

Nappellaw lill-awtoritajiet biex il-gurnalisti, anke dawk li jahdmu fuq bazi freelance, jitħallew jibqgħu jaħdmu anke jekk is-sitwazzjoni tmur għall-agħar. Xogħol il-ġurnalist hu essenzjali mhux biss biex jitrażmettu l-informazzjoni tal-awtoritajiet imma anke biex ikun il-vuċi tal-pubbliku. Għalhekk nappellaw ukoll biex anke jekk jittieħdu miżuri ta’ prekawzjoni, il-ġurnalisti jibqa’ jkollhom l-opportunità li waqt il-konferenzi tal-aħbarijiet, il-ġurnalisti jitħallew jagħmlu il-mistoqsijiet tagħhom u r-restrizzjoni titwessa għal tliet domandi kull ġurnalist mhux waħda biss.

Is-sitwazzjoni ma tħallix triq oħra lill-IĠM biex jissospendi l-Laqgħa Ġenerali Annwali skedata ghas-7 t’April għal data ohra fil-futur. Id-data tigi komunikata ‘il quddiem.

L-IĠM jixtieq jirringrazzja ukoll lill-ħaddiema kollha li jaħdmu fis-servizzi tas-saħħa għax-xogħol li qed iwettqu f’dan iż-żmien delikat. Aħna kommessi li niġbdu ħabel wiehed għall-ġid komuni.

TMIEM.
(N.B. – Hawn taħt qed ngħaddulkom links ta’ artikli maħruġa, fosthom minn istituzzjonijiet rinomati, li jagħtu punti li għandna nagħtu każ fi żminijiet bħal dawn.

https://www.poynter.org/reporting-editing/2020/how-newsrooms-can-tone-down-their-coronavirus-

https://firstdraftnews.org/latest/tips-for-reporting-on-covid-19-coronavirus-and-slowing-the-spread-of-

https://ijnet.org/en/story/10-tips-journalists-covering-covid-19

Image

Ġurnalista mhedda – Kundanna bla riżerva għal kull tip ta’ theddid u intimidazzjoni fuq il-korp ġurnalistiku

7 ta’ Diċembru 2019

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) jikkundanna t-theddid li sar fuq ġurnalista aktar kmieni llum. F’rapport li l-IĠM irċieva illejla, ġie infurmat li ġurnalista irċiviet ittra ta’ theddid fid-dar privata tagħha u li għalih, il-ġurnalista kellha tirrikorri għand il-Pulizija biex tagħmel rapport. L-IĠM itenni li l-ebda forma ta’ theddid u intimidazzjoni fuq membru jew membri tal-korp ġurnalistiku ma jiġi ttollerat jew aċċettat u għandu jiġi kkundannat bil-qawwa kollha.

L-IĠM juri solidarjetà mal-ġurnalista. 

Infakkru li l-irwol tal-ġurnalist hu fundamentali f’demokrazija, u huwa ta’ għajb kbir li nies li b’dedikazzjoni u sagrifiċċji jwettqu xogħolhom b’servizz lejn il-pubbliku, ikollhom iħabbtu wiċċhom ma’ atti kodardi bħal dawn. Dan il-każ isegwi sensiela ta’ inċidenti fl-aħħar jiem fejn ġurnalisti kienu mhedda, intimidati, imbuttati u ssuttati, każi li fihom l-IĠM ħarġet tikkundanna bla ebda riżerva. 

Insejjħu biex il-korp tal-Pulizija joffri il-protezzjoni meħtieġa lejn il-membri tal-korp ġurnalistiku u jinvestiga il-każ, kif għandhom jiġu investigati il-każi kollha ta’ theddid fuq il-membri tal-istampa u x-xandir, biex jinstab min kien wara dan it-theddid u jitressaq quddiem il-ġustizzja.