Image

Malta tinżel erba’ postijiet fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa

“Ebda soċjetà ma tista’ tkun verament libera u demokratika jekk ma tkunx infumata tajjeb u f’dan ir-rigward din il-waqa’ tiddiżappunta u hi ta’ nkwiet” – IĠM

22 ta’ April 2020

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jinnota b’dispjaċir li Malta, għal darb’oħra waqgħet lura fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa kumpilat mill-Ġurnalisti Bla Fruntieri. Issa pajiżna jinsab 31 post aktar l-isfel milli kienet fl-2016. L-ebda soċjetà ma tista’ tkun verament libera u demokratika jekk ma tkunx infumata tajjeb u f’dan ir-rigward din il-waqa’ tiddiżappunta u hi ta’ nkwiet.

L-IĠM jemmen li fl-aħħar mill-aħħar, Saltna tad-Dritt dgħajfa tfixkel il-ġurnaliżmu u li hemm bżonn isir ferm aktar biex il-ġurnalisti jkollhom aċċess għal informazzjoni importanti.

Kif rajna mill-inkjesta dwar il-qrtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, in-nuqqas tal-awtoritajiet li jieħdu azzjoni fuq rapporti ta’ korruzzjoni u li tħalli lil min jagħmel ħażin jaġixxi b’impunità, iħalli lill-ġurnalisti weħidhom u f’riskju. Li tirredikola u tipprova tiskredita lill-ġurnalisti, iwassal għal sitwazzjoni aktar perikoluża.

Filwaqt li l-media lokali qed tiffaċċja numru ta’ sfidi, inkluż dawk finanzjarji u dak tal-influwenza politika jew tan-negozjanti, l-IĠM ma jaqbilx li l-maġġoranza tal-media houses lokali għandhom interessi politiċi. Kulħadd jaf li l-partiti politiċi f’Malta għandhom il-media tagħhom u dan, filwaqt li jpoġġi sfidi fih innifsu, ma jnaqqas xejn mill-ħidma li jagħmlu l-ġurnalisti u l-media indipendenti.

F’dawn l-aħħar snin, partikolarment l-assisinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ra l-ġurnaliżmu f’Malta u lill-pajjiż kollu, jgħaddu mill-aktar żminijiet mudlama. Madankollu dan ġieb ħafna mill-aħjar xogħol ġurnalistiku importanti.

Meta l-Indiċi tal-Liberta’ tal-Istampa jitkellem dwar Malta, isemmi l-protesti li saru f’Diċembru li għadda li raw in-nies jinżlu fit-toroq u wasslu għar-riżenja qabel iż-żmien tal-Prim Ministru. Kienet il-media indipendenti li wasslet din l-informazzjoni. L-appoġġ li l-media indipendenti kollha tat lill-moviment ta’ protesta, kien wieħed bla precedent u wera li minkejja l-isfidi, il-prinċipji ta’ stampa ħielsa u indipendenti għandhom ħajjin f’dan il-pajjiż.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jittama li jaħdem mal-Gvern u mal-partiti politiċi biex ikunu ndirizzati numru ta’ problem, li jissemmew f’dan ir-rapport, fosthom il-problema ta’ kliem ta’ mibegħda ndirizzat lejn il-ġurnalisti. 

Filwaqt li hu minnu li l-media soċjali qed issir inqas tolleranti u aktar aggressiva, in-natura tal-professjoni ġurnalistika, tesponi lill-ġurnalisti aktar minn persuni ordinarji.

Hemm bżonn isir sforz mis-setturi kollha tas-soċjetà biex ikun ikkundannat dan id-diskors imma l-partiti politiċi għandhom responsabbiltà akbar, speċjalment meta’ ċertu diskors jiġi mill-partiti nfushom. Il-politiċi Maltin għandhom jikkundannaw din l-imġieba u jekk jonqsu li jagħmlu dan ifisser li jkunu qed jinkoraġġuha.

L-Indiċi Dinji tal-Liberta’ tal-Istampa jinnota li “s-snin li ġejjin se jkunu deċisivi għall-futur tal-ġurnaliżmu, bil-pandemija tal-COVIC-19, tikxef il-ħafna kriżijiet li jheddu d-dritt ta’ rappurtaġġ ħieles, indipendenti ibbażat fuq informazzjoni ta’ min jorbot fuqha.”

Hemm ħames oqsma li rridu niffaċċjaw fl-10 snin li ġejjin: ġeopolitiċi, teknoloġiċi, demokratiċi, ta’ fiduċja u ekomiċi.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin filwaqt li jinnota li l-Gvern irreaġixxa mill-ewwel għas-sejħa tiegħu, biex tittieħed azzjoni mmedjata biex ikun imħares is-settur ġurnalistiku waqt il-pandemija tal-Covid-19, isostni li hemm bżonn aktar ċarezza dwar l-impenn tal-Gvern li jgħin lill-kmamar tal-aħbarijiet lokali.

L-IĠM isostni li ma jistax ikun hemm demokrazija taħdem mingħajr stampa ħielsa u bla tfixkil. Hemm bżonn impenn qawwi minn kulħadd, inkluż l-awtoritajiet, biex in-niżla li qbadna fl-Indiċi Mondjali tal-Liberta’ tal-Istampa, tieqaf u pajjiżna jerġa’ jibda tiela.