Image

L-IĠM jappella lill-Gvern biex jassigura li l-ħaddiema kollha fil-qasam tal-ġurnaliżmu, inkluż il-freelancers, igawdu mill-miżuri finanzjarji u biex il-ġurnaliżmu jkun protett

27 ta’ Marzu 2020

Meta l-parti l-kbira tal-postijiet tax-xogħol huma magħluqa minħabba x-“shutdown parzjali”, ordnat mill-awtoritajiet tas-saħħa, r-reklamar fil-gazzetti u l-mezzi tax-xandir qed jonqos b’mod drastiku. Barra minn dan, minħabba li ħafna nies qed jobdu l-ordnijiet u r-rakkomandazzjonijiet u jibqgħu d-dar, anke l-bejgħ tal-ġurnali naqas.

Dan se jfisser nuqqas ta’ dħul għal media houses li jimpjegaw magħhom ġurnalisti u għalhekk l-impjieg jew id-dħul tal-ġurnalisti tagħna jinsab fil-periklu.

Fil-familja ġurnalistika, għandna numru ta’ ġurnalisti u fotografi/camerapersons li huma freelancers, jaħdmu għal rashom, li d-dħul tagħhom diġa’ naqas drastikament għax ix-xogħol tagħhom naqas billi per eżempju, bħalissa ma huma organizzati ebda attivitajiet sportivi, soċjali jew attivitajiet tal-massa li minnhom jiddependi ħafna mid-dħul ta’ dawn il-ġurnalisti.

Xogħol il-ġurnalist hu wieħed essenzjali f’soċjetà demokratika. Mingħajr il-ħidma tal-ġurnalisti, l-poplu ma jistax jinżamm infurmat dwar dak li qed iseħħ fil-pajjiż. Anke l-Gvern jeħtieġ l-appoġġ u l-għajnuna tal-ġurnalisti biex iwassal il-messaġġ lill-poplu tiegħu.

Il-Gvern ħabbar diversi miżuri biex jgħin lill-ħaddiema li qed jintlaqtu ħażin fiċ-ċirkostanzi attwali tal-pajjiż. Sfortunatament, mhux ċar jekk il-ġurnalisti, inkluż dawk il-fotografi freelancers li jaħdmu għal rashom u naqsilhom ħafna x-xogħol, hux se jibbenefikaw minn dawn il-miżuri u b’liema mod.

F’ittra li l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin bgħat lill-Prim Ministru, appella lill-Gvern biex jassigura li l-ħaddiema kollha fil-qasam tal-ġurnaliżmu, inkluż il-freelancrs, igawdu mill-miżuri finanzjarji mħabbra mill-Gvern u li xogħolhom ikun protett. Ta’ min jgħid li f’diversi pajjiżi madwar id-dinja, partikolarmnet fl-Ewropa, l-ġurnalisti kollha, inkluż il-freelancers, qed isibu għajnuna mill-gvernijiet rispettivi tagħhom, biex fiċ-ċirkostanzi attwali dawn il-ħaddiema jibqa’ jkollhom dħul biex jgħixu ħajja diċenti huma u l-familji tagħhom (dokument mehmuż).