Image

L-IĠM jikkundanna ċ-ċensura mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fil-konfront ta’ kmamar tal-aħbarijiet

22 ta’ Novembru 2019

Il-Kunsill Eżekuttiv tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin fl-aħħar ħinijiet irċieva ilmenti li kmamar tal-aħbarijiet ma ġewx mistiedna għal aktar minn darba biex jattendu għal stqarrijiet importanti mill-Prim Ministru Joseph Muscat dwar l-aħħar żviluppi relatati mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-kunsill ġie infurmat li minkejja li kmamar tal-aħbarijiet ppruvaw jagħmlu kuntatt mal-uffiċjali responsabbli mill-komunikazzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, dawn mhux jingħataw widen.

Quddiem dawn ir-rapporti, l-IĠM jikkundanna bl-aktar mod kategoriku din iċ-ċensura. Il-Gvern m’għandu fl-ebda każ jagħżel lil min jistieden għall-konferenza tal-aħbarijiet, speċjalment meta dawn ikunu ta’ importanza nazzjonali bħal ma huma l-istqarrijiet li qed jagħmel il-Prim Ministru dwar l-aħħar żviluppi relatati mal-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia.

L-IĠM isejjaħ lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex iwaqqaf minnufih dawn il-prattiċi ħżiena li qed jiġu adottati. Kull kamra u kull ġurnalist għandu jiġi trattat l-istess mill-Gvern u jitħalla jaħdem fil-libertà, hu min hu, ġej minn fejn ġej.