“Jeħtieġ aktar protezzjoni lill-ġurnalisti” … “Ġurnaliżmu responsabbli u kredibbli” – ċ-Chairperson tal-IĠM

 

address by IGM CHAIRPERSON

Ic-Chairperson tal-IĠM, Norma Saliba

Ftit inqas minn 6 ġimgħat għas-serata finali tat-28 edizzjoni tal-IGM Awards, huwa ta’ pjaċir għalija, li l-Istitut se jippremja l-aħjar xogħlijiet ġurnalistiċi li saru matul is-sena li għaddiet.

Kellna konkorrenza tajba, anke fit-tliet kategoriji ġodda, minn ġurnalisti li sena wara l-oħra jissottomettu ħidmiethom, u ġurnalisti li qed jieħdu sehem għall-ewwel darba.

Dan jimlina b’kuraġġ biex nibqgħu ntellgħu din is-serata minn sena għall-oħra li tirrikonoxxi l-isforzi li jsiru minn ġurnalisti, opinjonisti, xandara, cameramen u produtturi ta’ programmi.

Kellna 90 sottomissjoni din is-sena, f’21 kategorija.  Minnhom hemm 56 finalist jew finalista li issa se jikkompetu għall-unuri li se jsiru fil-5 ta’ Mejju li ġej. Ma’ dawn tiżdied kategorija oħra tal-Aħjar Użu tal-Ilsien Malti sponsorjata mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.

Kull min wasal s’hawn huwa diġà rebbieħ.  Rebbieħ għax ix-xogħol ta’ ġurnalist huwa essenzjali f’soċjetà demokratika li dejjem qed tevolvi u tinbidel.

Jeħtieġ iktar protezzjoni lill-ġurnalist

Ix-xogħol ta’ ġurnalist kultant mhux apprezzat biżżejjed.  Kemm-il darba sar aċċenn mill-IĠM stess, il-ġurnalist għandu jiġi rispettat iktar għall-impenn tiegħu biex jirrapporta, jistaqsi u jinvestiga dak li jkun għaddej madwarna.

Huwa għalhekk li l-IĠM qed jistenna wkoll id-dħul fis-seħħ mill-iktar fis possibbli tal-liġi dwar il-media u l-malafama – il-MADA – li waslet fi stadju ta’ kumitat – u minn hawn nappella lid-deputati taż-żewġ naħat tal-kamra biex sa qabel il-btajjel tas-sajf tgħaddi din il-liġi tant importanti għalina l-ġurnalisti.

Għaliex qed inħeġġu lill-politiċi jgħaddu din il-liġi malajr kemm jista’ jkun?

Biex il-ġurnalist jikseb iktar protezzjoni u b‘hekk ikompli jwettaq xogħolu mingħajr biża’; fejn meħtieġ jitħares minn min ma jirrispettax l-isforzi li jsiru biex jagħmel xogħolu bi professjonalità.

Għalhekk nittama li l-ġurnalist ma jdumx jistenna biex jikseb iktar drittijiet biex ikun iktar protett għax kull ġurnata li tgħaddi mingħajr protezzjoni hija ġurnata mitlufa.

Ma nixtieqx li ġurnalist ma jkunx protett biżżejjed mit-theddid, aggressjonijiet verbali jew ġieli anke fiżiċi, u saħansitra jirriskja li jitlef ħajtu għax kien qed jagħmel xogħolu.

Ġurnaliżmu responsabbli u kredibbli

Minn hawn nappella wkoll lill-ġurnalisti biex jagħmlu xogħolhom bi prudenza u responsabilità.  Għaliex qed ngħid hekk?

Għax ġurnalist għandu joqgħod attent x’jikteb, xi jxandar u x’jgħid biex ikun kredibbli u fl-istess waqt għandu jkun konxju li dak li jippubblika, ixandar u jgħid, jista’ jinfluwenza l-opinjoni tal-qarrejja, semmiegħa, telespettaturi u segwaċi tiegħu jew tagħha.

Konxja tal-ġlieda mal-ħin li għandu l-ġurnalist u forsi anke r-riżorsi ristretti li għandu, ġurnalist ma m’għandux ikun sensazzjonali biex jippromovi kitbietu jew biex ibiegħ iktar u jinsa l-aspett uman ta’ dawk li se jintlaqtu minn dak li jkun inkiteb, intqal jew ixxandar.

Il-ġurnalist għandu jkun xprunat mit-tfittxija għall-fatti tal-istorja u l-għan ta’ kull ġurnalist f’ħidmietu għandu jkun li jwassal l-verità u mhux jinħeba taħt verżjonijiet li jtappnu l-istess verità. B’hekk jissaħħaħ ir-rwol tal-ġurnalist f’soċjetà demokratika għaliex jikseb kredibiltà u jħares il-professjoni tiegħu.

Il-ġurnalist għandu responsabilità.  U jekk jitlef il-kredibilità tkompli tonqos il-fiduċja tan-nies fil-ġurnaliżmu, kif sfortunatament jurina l-istħarriġ tal-Ewrobarometru.  Mingħajr ġurnaliżmu ma jkollniex soċjetà sana.  L-iskrutinju li jsir minn ġurnalist huwa meħtieġ f’demokrazija.

Nirrispettaw lil xulxin bħala ġurnalisti

U fl-aħħarnett, ejja nibżgħu għalih xogħolna mingħajr ma nkasbru lil xulxin.  Nifhem il-kompetizzjoni bejn newsroom u oħra, iżda ejjew nuru iktar rispett fil-konfront ta’ xulxin ukoll.

Niddejjaq nara konfrontazzjoni bejn ġurnalist u ieħor jew newsroom u oħra.  Nifhem li kulħadd ġej minn sfera differenti, b’ideat varji, u fehmiet politiċi diversi – imma dan m’għandniex inħalluh itappan il-ħidma sfieqa li qed issir għax ma jirriflettix tajjeb fuq il-professjoni tagħna.

Fl-aħħar mill-aħħar għandu jkollna għan wieħed bħala ġurnalisti – li ninfurmaw lin-nies bl-istejjer li jridu jkunu jafu dwarhom, kif ukoll bl-istejjer li huwa d-dmir tagħna li nġibuhom konxji tagħhom.  Ejja nagħmlu din bħala l-missjoni tagħna l-ġurnalisti u nuru kemm aħna professjonali f’xogħolna!

Nixtieq nagħlaq b’nota ta’ ħajr lil kull min qed jappoġġjana fl-organizzazzjoni ta’ dawn l-unuri – b’mod speċjali bl-appoġġ tal- Awtorità tax-Xandir u diversi sponsors li dejjem ikunu ta’ sostenn.  Nagħtu merħba lil 3 entitajiet li bdew jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-IĠM minn din is-sena – dawn huma l-MITA, il-Wasteserv u d-DHL.

Nawgura lill-finalisti kollha – niltaqħu fil-5 ta’ Mejju għas-serata finali.

Advertisements