L-IĠM jinnota l-mozzjoni li tressqet fil-Parlament dwar is-SLAPP

STQARRIJA STAMPA : 16 TA’ JANNAR 2018

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jinnota b’sodisfazzjon li quddiem il-Parlament tressqet mozzjoni bl-iskop li ssir emenda fil-liġi biex tipproteġi lill-ġurnalisti u lill-medja lokali milli jkollhom jiffaċċjaw kawżi fi Qrati barranin li jistgħu jwasslu għar-rovina finanzjarja tagħhom permezz ta’ kawżi magħrufa bħala SLAPP – Strategic Lawsuits Against Public Participation.

F’laqgħat li l-IĠM kellu riċentement kemm ma’ Ministru Owen Bonnici kif ukoll ma’ rappreżentanti tal-Oppożizzjoni, l-Istitut tal-Ġurnalisti Malti tkellem dwar din il-problema li laqtet numru ta’ mezzi tal-media lokali u talab liż-żewġ naħat biex jaraw kif jistgħu jitħarsu l-interessi tal-media lokali u magħha il-libertà tal-espressjoni.

Il-mozzjoni mressqa fil-forma ta’ Private Members’ Bill mill-Oppożizzjoni għandha l-iskop li jkun emendat il-Kodiċi ta’ Organiżazzjoni u Proċedura Ċivili bl-iskop li l-Qrati Maltin ikollhom il-poter li “ma jippermettux kawżi miġjuba minn Qrati barra minn Malta meta dawn ikunu maħsuba biex jiċċensuraw, jintimidaw jew iwaqqfu xi forma ta’ kritika milli ssir f’Malta billi jġiegħlu lill-organizazzjonijiet ta’ pubblikazzjoni jħallsu spejjeż legali projbittivi”.

L-IĠM għandu għax jaħseb li din m’hix liġi kontroversjali u għandha ssib l-appoġġ taż-żewġ naħat tal-Parlament, wara li fil-laqgħa mal-Gvern, il-Ministru Bonnici qal lill-membri tal-Kunsill tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin li f’Malta ma tistax issir is-SLAPP, imma se jara kif din tista’ tiġi ndirizzata meta ssir minn entitatjiet barranin fuq il-media Maltija.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qed jappella wkoll biex tinstab data fil-qrib biex il-Private Members’ Bill tkun diskussa fl-istess waqt li l-Liġi dwar il-Medja u d-Defamazzjoni waslet fi stadju ta’ Kumitat quddiem il-Parlament.  Dan sabiex ikomplu jissaħħu l-libertà tal-istampa u tal-espressjoni f’pajjiżna u jagħtu l-protezzjoni meħtieġa lill-ġurnalisti Maltin.

Advertisements