L-IĠM iniedi t-28 edizzjoni tal-Malta Journalism Awards

 

Press Conference IGM Awards

Iċ-Chairperson tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) Norma Saliba u  Roderick Agius (l-organizzatur tal-MJA’s) waqt it-tnedija tat-28 Edizzjoni tal-kompetizzjoni annwali ghall-gurnalisti

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) bl-appoġġ tal-Awtorità tax-Xandir nieda t-28 edizzjoni tal-kompetizzjoni annwali għall-ġurnalisti magħrufa bħala l-Malta Journalism Awards fejn hemm 21 kategorija.

Apparti mill-ġurnalisti nfushom, anki l-Edituri u l-Kapijiet tal-Kamra tal-Aħbarijiet jistgħu jagħżlu u jissottomettu xogħol ta’ ġurnalisti li jidhrilhom li hu ta’ livell għoli għal dawn l-Awards. Is-sottomissjonijiet jistgħu jintbagħtu wkoll minn organizzazzjonijiet, korporazzjonijiet jew għaqdiet.

Fil-kazi kollha jrid ikun hemm il-kunsens tal-ġurnalist billi timtela’ l-parti konċernata fil-Formola tal-Applikazzjoni qabel tintbagħat is-sottomissjoni mill-Editur, Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet jew organizzazzjoni, korporazzjoni jew għaqda.

Iċ-Chairperson tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) Norma Saliba qalet: “Se nkunu qed inkomplu nżidu iktar kategoriji għall-edizzjoni li jmiss tal-IGM Awards biex inwessgħu r-rikonoxximent li jixraq jingħata lill-ġurnalisti, fotografi, cameramen, opinjonisti u preżentaturi li matul is-sena jkunu mpenjaw ruħhom biex jagħmlu xogħolhom. Din is-sena se jkun hemm tliet kategoriji ġodda mat-18 li issa stabbilixxew ruħhom fl-edizzjonijiet li għaddew tal-IGM Awards.

Inħeġġeġ lill-membri tal-media lokali biex jikkonkorru bi ħġarhom f’dawn l-unuri għax minbarra l-prestiġju, dawn l-awards jirrikonoxxu l-isforzi li jsiru biex il-pubbliku jkollu rappurtaġġ li jesponi liberament ideat varji li jirrifletti r-realtajiet li għaddejja minnhom is-soċjetà Maltija bħalissa.”

 

press-conference-igm-awards-2.jpg

Il-21 kategorija huma:

Kategoriji ta’ Ġurnaliżmu Stampat:

  • Ġurnaliżmu Stampat
  • Ġurnaliżmu Fotografiku – sponsorjata minn The Farsons Foundation

 Kategorija ta’ Ġurnaliżmu Stampat/Imxandar:

  • Ġurnaliżmu Investigattiv Stejjer Umani – sponsorjata mill-Malta Public Transport

Kategoriji ta’ Ġurnaliżmu Mxandar:

  • Ġurnaliżmu Mxandar – Skript Televiżiv Aħbarijiet
  • Ġurnaliżmu Mxandar – Skript Televiżiv Features
  • Ġurnaliżmu Mxandar – Filmat
  • Ġurnaliżmu Mxandar – Radju Aħbarijiet
  • Ġurnaliżmu Mxandar – Radju Ġrajjiet Kurrenti

E-kategorija:

  • Ġurnaliżmu Elettroniku – sponsorjata minn SmartCity Malta

 Kategoriji Oħra:

  • Ħidma Ġurnalistika barra minn Malta – sponsorjata minn Brittania Tours
  • Ġurnaliżmu Sportiv – Stampat
  • Ġurnaliżmu Sportiv – Imxandar – sponsorjata mill-Fond għall-Kawżi Ġusti
  • Fotografija Sports – sponsorjata mill-Malta Gaming Authority
  • Ġurnaliżmu Kulturali – sponsorjata mill-Awtorità Maltija tat-Turizmu
  • Ġurnaliżmu Ambjentali – sponsorjata mill-Green Pak Coop Society
  • Artikli ta’ Opinjoni – AX Holdings Limited
  • Premju ta’ Rikonoxximent għal rappurtaġġ etiku u pożittiv fil-qasam tad-diżabilità – sponsorjat mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità, KNPD
  • Il-Lingwa Maltija fil-Ġurnalżmu – sponsorjata mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti

 

Kategoriji Speċjali:

Valletta 2018 – sponsorjata mill-Fondazzjoni Valletta 2018

  • Premju li jirrikonoxxi r-rappurtaġġ ġurnalistiku stampat marbut max-xogħol tal-Fondazzjoni Valletta 2018 b’risq il-belt kapitali
  • Premju li jirrikonoxxi r-rappurtaġġ ġurnalistiku mxandar marbut max-xogħol tal-Fondazzjoni Valletta 2018 b’risq il-belt kapitali

Iż-żewġ awards se jirrikonoxxu x-xogħol ġurnalistiku li jkun kopra l-ħidma u l-attivitajiet tal-Fondazzjoni Valletta 2018 mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Diċembru tal-2017.

 

Turiżmu – sponsorjata mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu

  • Rapport jew feature pubblikat fil-gazzetta jew rivisti, inkella programm li xxandar fuq it-televiżjoni jew radju
  • Prominenza lill-industrija lokali tat-turiżmu, inkluż wkoll aspetti speċifiċi tas-settur turistiku lokali
  • Promozzjoni għax-xogħol tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u/jew tal-Ministeru tat-Turiżmu; jew rappurtaġġ dwar l-inizjattivi u attivitajiet organizzati mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu
  • Żieda fl-għarfien dwar l-importanza tat-turiżmu u l-bżonn li tkun salvagwardata s-sbuħija u l-awtentiċità tal-Gżejjer Maltin.

 

Għall-kategoriji speċjali, il-ġurija se tkun magħmula minn rappreżentant maħtur mill-Fondazzjoni Valletta 2018 u mill-Awtorità tat-Turiżmu flimkien mat-tliet membri tal-ġurija li jinħatru biex jevalwaw is-sottomissjonijiet li jipparteċipaw fl-edizzjoni annwali tal-Malta Journalism Awards.

Gold Award:

Din is-sena l-Edizzjoni tal-Gold Award se tkun sponsorjata għal darb’ oħra bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Tumas Fenech għall-Edukazzjoni fil-Ġurnaliżmu.

Linji Gwida:

Fuq parir tal-ġurija ta’ edizzjonijiet preċedenti, l-Istitut jixtieq li l-ġurnalisti josservaw il-punti li ġejjin qabel ma jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom:

  1. fil-kategorija ‘Ħidma Ġurnalistika barra minn Malta” għandu jkun sottomess biss xogħol li ġurnalist ikun għamel barra minn Malta;
  2. kull sottomissjoni fil-kategoriji Ġurnaliżmu Mxandar Skript Televiżiv u Ġurnaliżmu Mxandar – bir-Radju għandu jkollha wkoll l-iskript rispettiv;
  3. l-istess xogħol ġurnalistiku/sensiela ma tistax tkun sottomessa f’aktar minn kategorija waħda;
  4. d) il-ġurnalisti għandhom jippreżentaw ix-xogħol tagħhom b’mod preżentabbli; u
  5. e) meta jagħżlu l-aħjar xogħol għas-sottomissjoni, il-ġurnalisti għandhom jagħżlu dejjem xogħol li juri etika ġurnalistika u li ma jkunx ibbażat fuq sensazzjonaliżmu.

 Premjijiet

L-ewwel tliet finalisti f’kull kategorija jirċievu ċertifikat. Kull rebbieħ tal-ewwel 16-il kategorija jingħata:

  1. rigal ta’ €200 fi flus;
  2. ċertifikat; u
  3. t-trofew tal-kategorija rispettiva.

Ir-rebbieħ tal-kategorija speċjali bl-isem ‘Il-Lingwa Nazzjonali fil-Ġurnaliżmu’ jingħata t-trofew tal-Malta Journalism Awards għal dik il-kategorija partikolari.

 

Il-Finalisti

Dawn se jitħabbru f’serata li mistennija ssir, it-Tnejn 26 ta’ Marzu 2018.

Ċerimonja tal-Preżentazzjoni

Ir-rebbieħa jitħabbru waqt ċerimonja tal-preżentazzjoni li mistennija ssir fil-5 ta’ Mejju 2018.

Miftuħa għal kulħadd

Kull ġurnalist Malti jista’ jieħu sehem fil-Malta Journalism Awards, irrispettivament jekk hux membru tal-IĠM jew le. Ix-xogħlijiet sottomessi kollha jkunu ġew ippubblikati jew imxandra bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Diċembru 2017.

Data tal-Għeluq

Is-sottomissjonijiet se jintlaqgħu nhar is-Sibt, 3 ta’ Frar 2018 fl-Uffiċċju tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, 280/3, Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta, bejn id-9am u 12pm. Dawk li mhumiex membri tal-IĠM u se jipparteċipaw huma mitluba jħallsu l-miżata tal-parteċipazzjoni.

Regolamenti u applikazzjonijiet jistgħu jinkisbu mingħand Roderick Agius fuq 99471549 inkella mill-websajt: www.igm.org.mt.

28TH EDITION REGULATIONS

28TH EDITION APPLICATION

 

Tmiem

 

Advertisements