Reazzjoni mill-IĠM għall-arresti b’rabta mad-delitt tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia

STQARRIJA STAMPA : 5 TA’ DIĊEMBRU 2017

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jinnota b’sodisfazzjon l-aħħar żviluppi li seħħew fil-konfront tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li seħħ fis-16 ta’ Ottubru li għadda permezz ta’ splużjoni ta’ karozza bomba.

Il-fatt li tard illejla tressqu akkużati quddiem il-Qorti tliet persuni li b’xi mod għandhom rabta ma’ dan il-każ, riżultat tal-arrest u l-interrogazzjonijiet li saru bejn ilbieraħ u llum, għall-IĠM dan huwa mument li jimmarka l-bidu ta’ triq biex isseħħ ġustizzja u fejn qed jintbagħat messaġġ qawwi ta’ difiża favur il-libertà tal-istampa.

F’dan l-isfond, l-IĠM qiegħed juri l-apprezzament għall-ħidma li saret f’dawn l-aħħar seba’ ġimgħat mill-awtoritajiet konċernati Maltin partikolarment il-Korp tal-Pulizija, il-Forzi Armati ta’ Malta u s-Servizz tas-Sigurtà bl-appoġġ ta’ esperti barranin li wasslu għal dawn l-aħħar żviluppi.

L-IĠM qiegħed jappella lill-Gvern biex jikkunsidra piena eħrex fil-konfront ta’ min jinstab ħati ta’ xi delitt, attakk, theddid jew/u intimidazzjoni fil-konfront tal-ġurnalisti. L-IĠM jappella wkoll lill-Gvern biex minnufih jibdew diskussjonijiet li għandhom iwasslu wkoll biex f’każi bħal dawn, tingħata l-protezzjoni xierqa.

Advertisements