REAZZJONI INIZJALI TAL-IĠM GĦALL-ABBOZZ TA’ LIĠI EMENDAT DWAR IL-MIDJA U D-DEFAMAZZJONI

STQARRIJA STAMPA : 15 TA’ NOVEMBRU 2017

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) jinnota b’sodisfazzjon li l-Gvern emenda l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Midja u d-Defamazzjoni (MADA) billi inkluda s-suġġerimenti u l-proposti kollha li l-IĠM kien ressaq.

L-IĠM ifakkar li meta l-Gvern ippubblika l-abbozz oriġinali tal-MADA fi Frar li għadda, huwa kien oġġezzjona għal diversi punti.  Dak iż-żmien l-IĠM ikkonsulta ma’ edituri u ġurnalisti minn kmamar tal-aħbarijiet differenti, ġabar l-ilmenti kollha, u ressaqhom f’laqgħa ta’ konsultazzjoni li saret apposta.  Edituri u ġurnalisti minn kmamar tal-aħbarijiet differenti kienu pparteċipaw f’dik il-laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-Gvern.

L-emendi mressqa mill-IĠM u inklużi mill-Gvern fl-abbozz ta’ liġi kif rivedut jinkludu:

  1. it-tneħħija darba għal dejjem tal-libell kriminali;
  2. il-massimu tad-danni li jistgħu jingħataw f’kawża ta’ libell mhux se jogħlew u se jibqgħu kif inhuma llum;
  3. fl-iffissar tad-danni l-Qorti se tkun obbligata li tqis l-effett li dak il-ħlas tad-danni jkollu fuq il-persuna li se tkun ordnata tħallas;
  4. fis-smigħ ta’ kawżi ta’ libell se tiddaħħal sistema ta’ smigħ preliminari u se tiġi inkoraġġita l-medjazzjoni;
  5. it-tneħħija tal-mandati kawtelatorji f’kawżi ta’ libell;
  6. it-tneħħija tal-obbligu li edituri u pubblikaturi, kemm ta’ midja tradizzjonali kif ukoll ta’ siti elettroniċi, kemm tal-aħbarijiet kif ukoll dawk li mhumiex, jirreġistraw irwieħhom;
  7. il-protezzjoni tas-sors f’kull każ.

Fil-jiem li ġejjin l-IĠM se jkun qed janalizza f’aktar dettall dan l-abbozz ta’ liġi u se jkun qed iressaq proposti ġodda għall-kunsiderazzjoni biex jiżdiedu mal-abbozz kif ippreżentat illum.

 

 

Advertisements