INAĊĊETTABBLI MIŻURI LEGALI DRASTIĊI KONTRA L-MIDJA U L-ĠURNALIST

 

STQARRIJA STAMPA – 24 TA’ OTTUBRU 2017

B’referenza għall-istqarrija editorjali pubblikata minn The Times of Malta fuq il-midja soċjali, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jiddikjara li qatt mhu se jaċċetta li jkun hemm min jieħu miżuri legali drastiċi li l-ħsieb warajhom huwa li jġib għarkuptejh il-qagħda finanzarja ta’ kumpanija jew kumpaniji li jmexxu ‘l midja f’Malta.

L-Istitut tal-Ġurnalisti jiddikjara li kwalunkwe miżuri f’dan ir-rigward għandhom tifsira waħda: theddida ċara u serja għal-liberta tal-istampa li għal pajjiż demokratiku bħal Malta, qatt u qatt mhu aċċettabbli.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin se jkun qed jaħdem u jagħmel pressjoni biex fl-emendi li jridu jsiru għal-liġi tal-libelli, fejn fost l-oħrajn irid jitneħħa l-libell kriminali, tittieħed kunsiderazzjoni serja ta’ sitwazzjonijiet bħal dawn, l-iskop warajhom huwa biss li jagħlaq l-operat tal-midja.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jappella lid-deputati parlamentari kollha biex issa kif l-Abbozz ta’ Liġi l-ġdid se jkun qed jitressaq għad-diskussjoni fil-Parlament fl-istadju tat-Tieni Qari jieħdu kunsiderazzjonijiet ta’ dak li qed tgħaddi minnhom il-midja lokali li mhuma xejn ħlief azzjonijiet legali maħsuba biex ifallu finanzjarjament l-operat tal-midja lokali.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jiddikjara solidarjetà sħiħa mal-gazzetti tal-Progress Press li jinsabu taħt pressjoni mhux ġustifikata f’din is-siegħa importanti għall-ġurnaliżmu f’Malta.

Advertisements