Il-liġi tal-libell u l-midja : Q&A mal-Ministri Owen Bonnici u Evarist Bartolo u mal-AĠ

“Nhar il-Ġimgħa, 10 ta’ Marzu 2017, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) se jkun qiegħed jorganizza sessjoni Q&A għal kull min huwa interessat, b’mod partikolari dawk kollha li huma involuti fit-tmexxija u/jew jaħdmu fil-qasam tal-midja u tal-ġurnaliżmu. L-iskop huwa li ssir diskussjoni dwar il-mistoqsijiet li tqanqlu dan l-aħħar fir-rigward tal-proposti li qiegħed iressaq il-Gvern għal-liġi tal-libell u tal-midja.

Għal din is-sessjoni se jkunu preżenti l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici, il-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo kif ukoll l-Avukat Ġenerali Dr. Peter Grech. Huma se jkunu qed iwieġbu għal dawk il-punti ta’ kjarifika li jistgħu jitqanqlu jew emendi oħra li jistgħu jiġu suġġeriti minn dawk preżenti għal din il-laqgħa.

Is-sessjoni Q & A se ssir f’The Fortress Builders, Triq San Mark, il-Belt Valletta, bejn is-6 p.m. u s-7.30 p.m.

Din il-laqgħa se tkun qed issir wara li l-Kunsill tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin iltaqa’ man-naħa tal-Gvern u ressaq uffiċjalment l-ewwel reazzjonijiet għal din il-liġi, li kienu jkopru wkoll il-kummenti u s-suġġerimenti li l-IĠM irċieva minn membri u oħrajn li mhumiex membri tiegħu għal dan l-abbozz ta’ liġi ġdid.”

Advertisements