L-IĠM jinnota l-passi fil-Qorti fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) jinnota l-passi legali li l-Ministru Chris Cardona ħa fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia, li l-Qorti f’każ ieħor ikkunsidrata bħala ġurnalista. L-IĠM jinnota wkoll li l-Ministru Cardona qal li mhux se jieħu l-istess pass kontra ġurnalisti oħra.

Inħossu li sakemm il-Ministru għandu kull dritt jiftaħ libell kontra min iħoss li inġurjah, għandu jinnota wkoll l-implikazzjonijiet ta’ tali talba għal mandat ta’ sekwestru għandha fuq il-ħidma tal-ġurnalist, speċjalment meta ġejja minn politiku.

L-IĠM jappella lill-Ministru jirrikonsidra t-talba għall-mandat ta’ sekwestru u jagħti messaġġ lill-ġurnalisti li huma verament ħielsa fix-xogħol ġurnalistiku tagħhom.

Fin-nuqqas ta’ din ir-rikonsiderazzjoni, l-IĠM jappella biex il-każi ta’ libell in kwistjoni jiġu mismugħa b’mod immedjat. Li jiġu ffriżati l-assi ta’ ġurnalisti jidhrilna li hu esaġerat u kontra l-ħarsien tal-libertà tal-istampa u tal-espressjoni f’demokrazija ħielsa.

Sakemm l-IĠM jinnota li t-tneħħija tal-libell kriminali għadha ma seħħitx, jistqarr li sekwestru ta’ assi fil-konfront tal-ġurnalisti jkompli jagħmel agħar il-kundizzjonijiet li fihom dawn jaħdmu.

Fix-xhur li għaddew, l-IĠM ma ddejjaq xejn jitkellem u jikkundanna theddid jew ostakli li saru lill-ġurnalisti fil-qadi ta’ dmirijiethom. L-Istitut għamel dan fil-konfront ta’ esponenti tal-Gvern u anki tal-Oppożizzjoni. Kif espress fl-aħħar stqarrija tal-IĠM, intalbu diġà laqgħat mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, mal-Partit Laburista u mal-Partit Nazzjonalista biex jiġi estiż l-appell tal-Istitut f’isem il-ġurnalisti kollha biex dawn jitħallew jagħmlu xogħolhom mingħajr bsaten fir-roti.

Advertisements