Attakk fuq il-ġurnalisti huwa attakk fuq id-demokrazija

 

STQARRIJA STAMPA : 6 TA’ FRAR 2017

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, IĠM, jiddikjara li mhuwiex aċċettabbli f’pajjiż li jsejjaħ lilu nnifsu demokratiku, jinħolqu sitwazzjonijiet fejn ix-xogħol tal-ġurnalist qiegħed ikun imminat u ridikolat.

L-Istitut tal-Ġurnalisti fl-aħħar jiem osserva kitbiet fil-ġurnali lokali u fil-midja soċjali fejn editur u ġurnalisti kienu rċievew messaġġi, f’okkażjoni minnhom minn terzi persuni, dwar theddid u intimidazzjoni. F’każ ieħor ġurnalist kien fil-mira ta’ ridikolaġni għax għamel biss xogħlu. Iktar minn darba, anki ġurnalisti bejniethom kienu osservati jattakkaw lil xulxin b’kitbiethom.

Kull min qed jimmina jew ixekkel ħidmet il-ġurnalist, ġej mil-liema sfond ġej, qiegħed biss jhedded il-libertà tal-istampa ħielsa kif garantita fil-Kostituzzjoni ta’ Malta. Xogħol il-ġurnalisti għandu jkun protett u mhux intimidat, u għaldaqstant kwalunkwe attakk fuq il-ġurnalist, huwa attakk fuq id-demokrazija.

Fl-isfond ta’ klima politika li kull ma jmur qed tiħrax, l-IĠM, se jkun qed jitlob laqgħa urġenti mal-Kap tal-Uffiċċju ta’ Komunikazzjoni tal-Gvern u dak tal-Oppożizzjoni kif ukoll tal-partiti politiċi ewlenin biex itenni l-appell għal rispett sħiħ lejn il-ġurnalisti.

Advertisements