L-IĠM isellem il-memorja ta’ Joseph Grima

STQARRIJA STAMPA : 3 TA’ FRAR 2017

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin isellem il-memorja ta’ Joseph Grima, eks-Ministru Laburista li tul is-snin ta kontribut qawwi lill-ġurnaliżmu mxandar fejn ippreżenta, ipproduċa u ħa sehem regolarment bħala mistieden f’diversi programmi televiżivi u radjufoniċi.

joe-grima

 

Waqt li kien ukoll kontributur ewlieni bil-kitbiet tiegħu fil-ġurnali, jibqa’ mfakkar bħala l-ewwel xandar li uża l-internet biex ixandar programmi ta’ diskussjoni.

Fl-1992 hu rtira mill-politika u fetaħ uffiċjalment stazzjon tar-radju Live FM wara li sena qabel, il-kumpanija tiegħu Grima Communications kienet inħarġitilha l-liċenzja biex ixxandar.

Lejn tmiem is-snin 90 u fis-snin ta’ wara, huwa mexxa diversi programmi fuq l-istazzjonijiet televiżivi mmexxija miż-żewġ partiti politiċi ewlenin.

Joseph Grima beda l-karriera tiegħu bħala reporter mat-Times of Malta, u aktar tard okkupa l-kariga ta’ sub-editor responsabbli mill-aħbarijiet internazzjonali.

Bejn l-1957 u l-1960 ta’ kontribut permezz ta’ diversi programmi li kien ixandar fuq ir-Rediffusion. Sena wara ngħaqad mar-Rediffusion fejn kien responsabbli għal diversi programmi mxandra nkluż fuq it-televiżjoni. Hu kien fost l-ewwel newscasters u producers ta’ programmi ta’ ġrajjiet kurrenti fuq l-MTV.

Fl-1966 huwa kkwalifika bħala producer wara taħriġ li ħa mingħand il-BBC Television Centre ta’ Londra. Wara nħatar bħala Kap tal-Programmi tar-Redifussion.

Fl-1971 huwa nħatar Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tax-Xandir.

Joseph Grima kien ukoll responsabbli mit-twaqqif ta’ Radju Malta 1 u Radju Malta 2 u ta’ Radio Malta International li kien ixandar bil-lingwa Taljana.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jagħti l-kondoljanzi lill-familja Grima f’dan il-mument diffiċli.

Advertisements