KONFERENZA NAZZJONALI: ABBOZZ TA’ KODIĊI TA’ ETIKA GĦALL-ĠURNALISTI

img_20161219_094902

STQARRIJA STAMPA : 20 ta’ Diċembru 2016

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) it-Tnejn, 19 ta’ Diċembru organizza Konferenza Nazzjonali dwar l-Etika fil-Ġurnaliżmu taħt l-awspiċju tal-Uffiċċju tal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati.
 
Il-Konferenza Nazzjonali, li għaliha attendew għadd ġmielu ta’ edituri, ġurnalisti u opinjonisti li jikkontribwixxu fil-qasam tal-midja lokali, iddiskutiet Abbozz ta’ Kodiċi tal-Etika għal min huwa fil-professjoni ġurnalistika. L-Abbozz ta’ Kodiċi tal-Etika li ġie diskuss tħejja minn grupp ta’ esperti mmexxija minn Dr. Carmen Sammut bħala Chairperson, u li jinkludu lill-Professur Kevin Aquilina u minn Dr. Joanna Spiteri.
 
Tul il-konferenza nazzjonali saru interventi minn rappreżentanti ta’ entitajiet li joperaw f’dan il-qasam: Allied Newspapers, Media Today, Standard Publications, Public Broadcasting Services, One u Media.Link Communications. Interventi oħra saru minn Dr. Carmen Sammut u Dr. Joanna Spiteri kif ukoll saru diversi osservazzjonijiet minn Dr. Kevin Dingli, Chairperson tal-Kummissjoni dwar l-Etika fil-Ġurnaliżmu f’intervent li għamel lejn tmiem il-konferenza.
 
Fi tmiem il-konferenza nazzjonali, Karl Wright, Chairman tal-IĠM, irringrazzja f’isem l-Istitut lil dawk kollha li attendew kif ukoll lir-rappreżentanti tal-midja lokali li taw kontribut fejjiedi b’kummenti pożittivi, bi proposti ġodda u bi kritika kostruttiva dwar il-kontentut ta’ dan l-Abbozz ta’ Kodiċi ta’ Etika għall-Ġurnalisti.
 
Karl Wright ħabbar li l-pass li jmiss huwa li fi żmien qasir l-IĠM iwaqqaf workshops bis-sehem ta’ esperti u ta’ dawk involuti fil-ħidma ġurnalistika fosthom edituri u ġurnalisti, bl-iskop li jkun hemm verżjoni finali ta’ dan l-Abbozz ta’ Kodiċi tal-Etika, bit-tama wkoll li jkun hemm qbil dwar l-implimentazzjoni tiegħu. Hu rrefera wkoll għal ħidma lejn iżjed rikonixximent tal-professjoni ġurnalistika u anki għall-proposta msemmija minn diversi parteċipanti waqt il-konferenza nazzjonali marbuta mas-sostenn finanzjarju tal-ġurnaliżmu stampat.
Il-pass li jmiss huwa li fi żmien qasir l-IĠM iwaqqaf workshops bis-sehem ta’ esperti u ta’ dawk involuti fil-ħidma ġurnalistika fosthom edituri u ġurnalisti, bl-iskop li jkun hemm verżjoni finali ta’ dan l-Abbozz ta’ Kodiċi tal-Etika, bit-tama wkoll li jkun hemm qbil dwar l-implimentazzjoni tiegħu.
Fi tmiem l-intervent tiegħu, iċ-Chairman tal-IĠM irriafferma l-importanza tal-impenn tal-ġurnalist li jirsisti biex iġib ir-risposti għall-mistoqsijiet tiegħu u appella biex il-ġurnalist ma jiġix injorat. Irrefera wkoll għal dak li ssemma f’diversi interventi tal-konferenza dwar diskors ta’ firda u mibgħeda li jintuża fi pjattaformi ġurnalistiċi differenti nkluż blogs, u stqarr li aġir bħal dan, ifisser biss, ġej minn fejn ġej, hu kundannabbli u jġib ħsara għall-kredibilita fil-ġurnaliżmu.

img_20161219_105503

pr162919epr162919cpr162919a

Advertisements