L-IĠM jappella għal rispett lejn il-ġurnalisti

Stqarrija Stampa : 7 ta’ Ottubru, 2016

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, l-IĠM, huwa mħasseb għall-mod kif xi drabi l-ġurnalisti mhumiex jitħallew jagħmlu l-mistoqsijiet li jkunu jixtiequ. Saħansitra f’okkażjoni partikolari huma ssejħu jirrappurtaw konferenza tal-aħbarijiet iżda kif spiċċat, ma ngħatawx iċ-ċans jistaqsu, la fuq is-suġġett u wisq iżjed fuq temi oħra, kif normalment hi l-prassi fi tmiem kull konferenza tal-aħbarijiet.

Saru meta saru u jsiru meta jsiru, affarijiet bħal dawn ma jagħmlux sens għax iċaħħdu lill-ġurnalisti milli jwasslu l-informazzjoni lill-poplu, kif fl-aħħar mill-aħħar hu dmir tagħhom f’soċjetà demokratika u ħielsa.

L-IĠM, kif għamel fi żminijiet differenti, jibqa’ jappella għar-rispett lejn il-ġurnalisti waqt il-qadi ta’ dmirijiethom fl-interess pubbliku.

 

Advertisements