L-IĠM jilqa’ l-aħbar li se jiskatta l-proċess Parlamentari dwar id-dekriminaliżazzjoni tal-libell kriminali

Stqarrija Stampa : 4 ta’ Ottubru, 2016

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, IĠM, bi pjaċir jinnota l-aħbar li kkomunika l-Ministeru tal-Ġustizzja li fl-10 ta’ Ottubru se jiskatta l-proċess quddiem il-Parlament biex jiġi dekriminalizzat il-libell kriminali. Dan hekk kif se jitressaq għall-Ewwel Qari l-Abbozz ta’ Liġi biex jaġġorna l-oqsma tal-medja u l-malafama.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin ifakkar li dan il-pass wasal wara kampanja twila mifruxa fuq snin ta’ ħidma u pressjoni li ilu jwettaq l-Istitut fuq l-amministrazzjoni preċedenti u dik preżenti.

L-IĠM ifakkar li dan il-pass wasal wara kampanja twila mifruxa fuq snin ta’ ħidma u pressjoni li ilu jwettaq l-Istitut fuq l-amministrazzjoni preċedenti u dik preżenti.

Karl Wright, iċ-Chairman tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qal li “filwaqt li ninnota li kemm il-Gvern u l-Oppożizzjoni jaqblu fil-prinċipju li l-libell kriminali jitneħħa, nappella liż-żewġ naħat tal-Kamra biex jiftiehmu ħalli dan l-Abbozz ta’ Liġi jiġi approvat mill-istadji kollha tal-Parlament u jidħol fis-seħħ bla aktar dewmien. L-IĠM qed jilqa’ b’sodisfazzjon li l-Kabinett tal-Ministri fehem il-każ u l-argumenti li kien ilu jressaq l-Istitut, li liġi ripressiva bħalma hija dik tal-libell kriminali twettaq aktar ħsara milli ġid. Din hija rebħa simbolika kbira għal-liberta tal-espressjoni; wieħed mid-drittijiet fundamentali ewlenin għall-bniedem”.

Wright temm jappella mill-ġdid biex jiġu kkunsidrati mekkaniżmi bħal dak ta’ medjazzjoni li jkunu jistgħu jgħinu biex jirrisolvu każi ta’ libelli ċivili b’mod ġust għall-partijiet konċernati.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin se jkun qiegħed isegwi mill-qrib l-istadji kollha li matulhom se jkun qiegħed jiġi diskuss dan l-Abbozz ta’ Liġi, u jirriafferma d-disponibbiltà tiegħu li jerġa’ jiltaqa’ maż-żewġ naħat tal-Kamra kif għamel fl-aħħar żmien.

L-IĠM se jkun qiegħed isegwi mill-qrib l-istadji kollha li matulhom se jkun qiegħed jiġi diskuss dan l-Abbozz ta’ Liġi

Advertisements