IL-PROSPOSTI TAL-IĠM GĦALL-WHITE PAPER GĦAL TITJIB FIL-QASAM TAL-MEDJAZZJONI

Stqarrija Stampa : 1 ta’ Ottubru, 2016

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin laqa’ l-istedina tal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali fil-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-White Paper għal titjib fil-qasam tal-medjazzjoni.

Il-Kunsill tal-IĠM iddiskuta l-pożizzjoni tiegħu dwar dan id-dokument u ħareġ b’konklużjoni waqt laqgħa tal-istess Kunsill li saret nhar it-Tnejn 26 ta’ Settembru 2016.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin għarbel id-Dokument ta’ Konsultazzjoni u jidher li għalissa l-kunċett tal-Medjazzjoni se jkun applikat għal kwistjonijiet li jirrigwardaw il-kirjiet.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jissottometti bir-rispett li qasam ieħor fejn dan il-kunċett għandu jkun introdott hu fil-każ tal-libelli. Hu fatt magħruf li f’numru konsiderevoli ta’ kawżi ta’ libell, f’xi stadju tal-kawża jew fil-fażi finali tagħha, issir dikjarazzjoni mill-kwerelat li timmitiga l-offiżi li dwarhom ikun ilmenta il-kwerelat u l-kawża tieqaf hemm. Imma sadattant ikun inħela ħafna ħin tal-Qorti, ta’ avukati, xhieda u persuni oħra barra milli jkunu saru ħafna spejjeż inutli.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin hu konvint li jekk ikun hemm eżerċizzju ta’ medjazzjoni malli ssir il-kwerela, jista’ jintlaħaq ftehim bejn il-partijiet u jiġi evitat ħafna ħela ta’ ħin u ta’ flus. Għalhekk l-Istitut qed iħeġġeġ lill-Gvern li jikkunsidra din il-proposta, filwaqt li jibqa’ jinsisti li kemm jista’ jkun malajr il-Parlament għandu jilleġiżla biex jiddekriminalizza il-libell.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jinsisti li kemm jista’ jkun malajr il-Parlament għandu jilleġiżla biex jiddekriminalizza il-libell

Din is-sottomissjoni tal-IĠM intbagħtet għall-attenzjoni l-kunsiderazzjoni tal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-White Paper għal titjib fil-qasam tal-medjazzjoni.

 

Maltese

 

Advertisements