L-IĠM U L-FONDAZZJONI VALLETTA 2018 INIEDU ŻEWĠ AWARDS GĦALL-MEDIA LOKALI

v18-press-conference-igmL-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Valletta 2018, nieda żewġ awards li l-iskop ewlieni tagħhom huwa li jippremjaw ix-xogħol ġurnalistiku marbut mal-ħidma fejjieda li qed twettaq il-Fondazzjoni Valletta 2018.

It-tnedija ta’ dawn iż-żewġ awards saret f’konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mis-Sur Karl Wright, Chairman tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin u mis-Sur Jason Micallef, Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018.

Karl Wright qal li permezz ta’ din l-inizjattiva, l-IĠM qiegħed ikompli jinvesti f’settur ieħor biex ikun ippremjat ix-xogħol ta’ dawk involuti fil-media lokali. Dan waqt li jinċentiva rappurtaġġ pożittiv li jeduka anki kulturalment, f’dal-każ dwar il-belt kapitali tagħna.

Wright qal li “hu għalhekk li l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qed jissieħeb mal-Fondazzjoni Valletta 2018 biex permezz ta’ żewġ awards jinċentiva r-rappurtaġġ ġurnalistiku marbut max-xogħol fejjiedi li qed twettaq din il-Fondazzjoni nazzjonali b’risq il-belt kapitali”.

Min-naħa tiegħu, Jason Micallef, iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 stqarr li bi pjaċir ikkonferma l-proposta li kienet saritlu aktar kmieni din is-sena mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.

Hu semma kif din l-inizjattiva hija indirizzata għax-xogħol ġurnalistiku dwar il-ħidma li qed issir b’riħet il-Fondazzjoni Valletta 2018. Jason Micallef fisser dan ix-xogħol ġurnalistiku bħala wieħed li ġeneralment huwa tajjeb ħafna u siewi.”

DETTALJI DWAR IŻ-ŻEWĠ AWARDS

  • Iż-żewġ awards se jirrikonoxxu x-xogħol ġurnalistiku li jkun kopra l-ħidma u l-attivitajiet tal-Fondazzjoni Valletta 2018 mill-1 ta’ Jannar 2016 sal-31 ta’ Diċembru tal-2016.
  • Award minnhom se jingħata għall-fotografija kumplimentata bi skript miktub.
  • L-award l-ieħor se jingħata għall-ġurnaliżmu mxandar fejn qed ikun mitlub ukoll li jiġi preżentat skript li jkun jikkumplimenta x-xogħol ġurnalistiku mxandar.
  • Il-ġurija se tkun magħmula minn rappreżentant maħtur mill-Fondazzjoni Valletta 2018 flimkien mat-tliet membri tal-ġurija li jinħatru biex jevalwaw is-sottomissjonijiet li jipparteċipaw fl-edizzjoni annwali tal-Malta Journalism Awards.
  • Il-finalisti għal dawn iż-żewġ awards jitħabbru f’Marzu tal-2017.
  • Ir-rebbieħ rispettiv għal dawn iż-żewġ awards jitħabbar fis-serata finali tal-Malta Journalism Awards li se ssir f’Mejju tal-2017.
Advertisements