Diskors taċ-Chairperson tal-IĠM fl-okkażżjoni tal-Malta Journalism Awards 2016

Iċ-Ċermen tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin Karl Wright.

Iċ-Chairperson tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin Karl Wright.

Eċċellenzi, Onorevoli, Sinjuri, kollegi u ħbieb, nilqagħkom għas-serata finali tas-26 edizzjoni tal-Malta Journalism Awards, organizzata mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.

Wara sena nassumi dan l-irwol, ħadt il-ħin tiegħi biex nevalwa u nixtieq nistieden lilkom biex tevalwaw ukoll fejn jinsab il-ġurnalist illum, fejn jinsab il-ġurnaliżmu Malti u mhux b’inqas…fejn jinsab l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.

Mhux lakemm wieħed jaqbad u jwieġeb. Il-kuntest li fih naħdmu bħala ġurnalisti, il-kultura, il-mentalitajiet, ix-xejriet jinbidlu kuljum fid-dinja tal-media – speċjalment onlajn, l-aġendi, kif ukoll il-manum pasta tal-politiċi fl-għaġna tal-istrateġiji, huma kollha fatturi li wieħed irid jixtarr dwarhom qabeljabbozza tweġiba.
Kollha fatturi li jinfluwenzaw il-mod kif noperaw, anki jekk mhux kulħadd jirreaġixxi bl-istess mod. Inħares lura lejn dis-sena, nara li l-ġurnaliżmu, partikolarment dak investigattiv – imma mhux biss; kompla jitjieb. Sadattant, nistqarr magħkom id-diżappunt tal-IĠM li donnu fadal min għandu l-interess jifred lill-ġurnalisti, għad hawn min jippreferi jaħdem għal rasu, u għad hawn min baqa’ passiv. Minkejja dan is-sentiment, l-Istitut jibqa’ miftuħ jikkollabora ma’ kulħadd, jibqa’ miftuħ għall-ideat, jibqa’ miftuħ ukoll jikkunsidra dak li hu differenti milli qed isir illum. Ngħid hekk għax ġejt quddiemkom bl-istess entużjażmu li kont hawn bih is-sena li għaddiet meta stedintkom taħsbu dwar ir-relevanza tal-IĠM, dwar l-importanza tal-ħidma tal-ġurnalist u dwar kif nistgħu flimkien nassiguraw li din tibqa’ tkun ħidma effettiva.

Tul ix-xhur li għaddew, l-IĠM ta sehmu għal dan billi kien iżjed preżenti.

Semma leħnu iżjed fejn ħass li kien f’postu li jagħmel hekk u mingħajr ma ħalla li jiġi wżat. L-IĠM issa għandu wkoll l-Avukat tiegħu… insellem lil Dr Stefano Filletti preżenti fostna u nirringrazzjah tas-sapport. Bqajna wkoll niltaqgħu ma’ entitajiet differenti bil-għan li ħidmet-il ġurnalist tkun iżjed mifhuma u apprezzata, waqt li tagħti riżultati aħjar.

Irrid ngħid ukoll li ltqajna mal-Ispeaker tal-Parlament, preżenti wkoll fostna llejla dwar ħidma li nixtiequ nimbarkaw fuqha dis-sena lejn iżjed etika fil-ġurnaliżmu. Bl-impenn tal-Ispeaker, b’appoġġ ukoll tal-Awtorità tax-Xandir, il-proċess li l-IĠM diġà beda bl-għajnuna ta’ Dr Carmen Sammut, għandu jwassal għal progress f’dik li hi etika f’xogħlna.

Ħaġa oħra ta’ sodisfazzjon kbir għall-IĠM, li indikajtha s-sena li għaddiet u li issa immaterjalizzat hi t-tlestija ta’ Baċellerat fil-Ġurnaliżmu. Tislima lill-Ministru Evarist Bartolo hawn quddiemi, lill-Fondazzjoni Tumas Fenech għall-Edukazzjoni fil-Ġurnaliżmu – partikolarment Tony DeBono, il-kollega Andrew Azzopardi – li ħadem qatigħ fuq is-sillabu – u oħrajn, inkluż sħabi membri fil-Kunsill. Ridna li anki mill-aspett edukattiv, il-ġurnalist ikollu opportunitajiet aħjar. Emminna u wasalna. Minn Ottubru li ġej, studenti se jibdew jitħarrġu fil-ġurnaliżmu bil-għan li fuq medda ta’ snin, il-prodott ġurnalistiku jibqa’ jitjieb.

La semmejt l-aspett edukattiv ma nistax ma nagħmilx referenza wkoll għas-seminars għall-ġurnalisti li kienu organizzati dis-sena mill-FTFEĠ b’kollaborazzjoni mal-IĠM. Fosthom kien hemm seminar dwar il-libertà tal- espressjoni u l-malafama onlajn u ieħor dwar il-finanzi. Anki hawn irridu naraw iżjed ġurnalisti jinteressaw irwieħhom u jipparteċipaw, għax ikolli ngħid li l-ġurnalisti preżenti kont tgħoddhom fuq id waħda. Għal li ġej, qed inħarsu lejn organizzazzjoni ta’ iżjed seminars/korsijiet li jiffukaw fuq temi ta’ interess ġenerali li jgħinu wkoll lill-ġurnalisti jifhmu iktar is-suġġett rispettiv.

Ħidma oħra li l-impenn tagħna dwarha ma qatax hija dik biex jitneħħa l-libell kriminali mil-liġijiet ta’ Malta. Jiddispjaċini ngħid li dak li deher li kien ta’ priorità għall-awtoritajiet issa jidher li waqa’ second jew third division biex inkun użajt terminoloġija sportiva. Dan jinkwetana ħafna u ma nistriħux qabel ma timmaterjalizza l-wegħda li għamlilna għal darba darbtejn il-Ministru Owen Bonnici f’isem il-Gvern. Nieħu anzi l-opportunità biex kif ħadem magħna bil-qalb u llum għoġbu jonorana bil-preżenza tiegħu l-Onor. Bartolo, ġentilment nitolbu jkun hu li jimbotta magħna dan il-karru mill-Kabinett forsi ngħidu din tal-libell hi finalment kwistjoni magħluqa.

Niġi għall-unuri tal-lejla.

Wara żieda fin-numru ta’ sottomissjonijiet li dis-sena telgħu għal 100 b’kollox, intagħżlu 47 finalist mifruxa fuq 18-il kategorija … tlieta minnhom ġodda .. .għax tajjeb ngħid li kwalunkwe kritika kostruttiva u rakkomandazzjoni li jkollna – nikkunsidrawha bis-serjetà. Għamilna hekk anki fir-rigward tal-Awards. Qed inwessgħu l-premju għall-aħjar użu tal-ilsien Malti mhux biss għall-ġurnaliżmu stampat imma wkoll għal dak imxandar – grazzi għall-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Qed inkunu iktar ġusti bl-istess mod mas-sottomissjonijiet fil-kategorija tal-ġurnaliżmu kulturali.

Ħbieb, żieda fil-kategoriji timplika żieda fl-isponsors. U iva, dis-sena għandi l-pjaċir nilqa’ fostna lill-Malta Gaming Authority u lill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità – b’kategorija ġdida li tippremja ġurnaliżmu pożittiv u etiku fil-qasam tad-diżabilità. Grazzi kbira lilkom u lill-isponsors l-oħra kollha li reġgħu tawna vot ta’ fiduċja bl-appoġġ tagħhom. Ma ndumux ma nħabbru wkoll permezz ta’ konferenza tal-aħbarijiet premju ġdid b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Valletta 2018…se jkun il-Premju Valletta 2018 – Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura. Grazzi minn qalbi lil Jason Micallef, Chairman u t-tim tiegħu rappreżentat fostna wkoll illejla.

Grazzi wkoll lill-membri tal-ġurija, lill-membri tal-Kunsill, lill-ġurnalisti kollegi tiegħi u lilkom hawn illejla. Il-preżenza tagħkom, għalija u għall-Istitut tfisser ħafna.

Nawguralkom lejla mill-isbaħ!

Advertisements