Brittania Tours tkompli bl-appoġġ għal xogħol il-ġurnalisti barra minn Malta

 

Is-Sur Noel Farrugia, Direttur Maniġerjali tal-Brittania Tours (xellug) jippreżenta l-isponsorship lis-Sur Karl Wright, Chairman tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin

Is-Sur Noel Farrugia, Direttur Maniġerjali tal-Brittania Tours (xellug) jippreżenta l-isponsorship lis-Sur Karl Wright, Chairman tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin

Għat-tieni sena konsekuttiva, Brittania Tours qed tagħti l-appoġġ tagħha lill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin fl-organizzazzjoni tal-IĠM Awards. Brittania Tours qed tisponsorja l-kategorija marbuta ma’ xogħol ġurnalistiku li jagħmlu ġurnalisti Maltin barra. 

Noel Farrugia, Direttur Maniġerjali tal-kumpanija qal: “Britannia Tours, dikjarata l-aqwa aġent tal-ivjaġġar mill-Air Malta fl-aħħar tliet snin, hija kuntenta li għat-tieni sena konsekuttiva qed tisponsorja l-kontribut ġurnalistiku fil-qasam tal-ivjaġġar fil-Malta Journalism Awards. Ninsabu kburin li qed nikkontribwixxu għal ġurnaliżmu tal-ivjaġġar li kulma jmur jiżviluppa u jesponi l-karatteristiċi ewlenin fis-settur”.

Għall-preżentazzjoni tal-isponsorship, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin kien rappreżentat miċ-Chairman, is-Sur Karl Wright. F’isem l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin filwaqt li wera apprezzament kbir għall-għajnuna tal-kumpanija Brittania Services Limited, stqarr li dan iħajjar aktar lill-ġurnalisti lokali biex jimirħu ‘l hinn minn pajjiżna f’dak li hu xogħol ġurnalistiku. “Kategorija bħal din tinkoraġġixxi lill-ġurnalisti Maltin biex jieħdu l-inizjattiva u bir-rappurtaġġ tagħhom minn pajjiżi barranin, iwasslu lill-qarrejja, lis-semmiegħa u lit-telespettaturi Maltin dak li jkun qiegħed iseħħ internazzjonalment li jista’ wkoll ikollu impatt fuq Malta.”

Is-serata finali tal-IĠM Awards se ssir nhar is-Sibt, 21 ta’ Mejju, 2016 fil-Lukanda The Palace, f’Tas-Sliema. Matul is-serata jitħabbru r-rebbieħa f’16-il kategorija kif ukoll ir-rebbieħ tal-Ġold Award.

Advertisements