Stqarrija maħruġa mill-uffiċċju tal-iSpeaker

Mr Speaker Dr Anġlu Farrugia

Mr Speaker Dr Anġlu Farrugia

Jitħabbru l-finalisti tal-Premijiet tal-Ġurnaliżmu ta’ Malta 2016

 L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) ħabbar il-finalisti tal-Premijiet tal-Ġurnaliżmu ta’ Malta 2016, f’lejla li saret fil-Parlament ta’ Malta. F’diskors li għamel l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia, hu feraħ lill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin għas-sehem tiegħu sabiex tissaħħah il-professjoni tal-ġuranliżmu f’Malta. Hu tkellem dwar id-dritt li kull persuna tissieħeb f’assoċjazzjoni kif ukoll dwar id-dritt tal-espressjoni bħala parti mid-drittijiet u libertajiet fundamentali tal-individwu. Il-ħarsien ta’ dawn id-drittijiet tal-bniedem huwa essenzjali sabiex id-dinjità tal-persuna umana tkun imħarsa.

Il-Kostituzzjoni ta’ Malta, kif ukoll il-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali tal-Individwu tal-1950, jitqiesu bħala qafas legali li jiggarantixxu l-ogħla forma ta’ ħarsien li l-individwu jista’ jkollu fil-ħarsien tad-drittijiet u libertajiet tiegħu.  Permezz tal-Konvenzjoni Ewropea twaqqfet il-il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (EctHR).  Kull persuna li tħoss li d-drittijiet tagħha ġew miksura minn xi stat firmatarju tal-Konvenzjoni Ewropea, tista’ tressaq il-każ tagħha quddiem din il-Qorti. Meta l-Qorti ssib ksur tad-drittijiet tal-bniedem, id-deċiżjonijiet tagħha huma obbligatorji u jorbtu l-istati konċernati. L-Ispekaer jemmen li dawn id-drittijiet u libertajiet fundamentali tal-individwu għandhom jitqiesu bħala rekwiżiti importanti f’kull demokrazija parlamentari.

L-Ispeaker saħaq li, għalkemm il-bniedem igawdi minn dawn id-drittijiet u libertajiet, hu rrid jagħraf l-obbligi u r-responsabbiltajiet li għandu quddiem il-liġi. Artiklu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea tqies dawn il-kundizzjonijiet u restrizzjonijiet bħala neċessarji f’soċjetà demokratika. Dawn huma intenzjonati sabiex titħares is-sigurtà nazzjonali, l-integrità nazzjonali, l-ordni pubblika, il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-morali, il-ħarsien ta’ reputazzjoni, l-isem tajjeb u drittijiet tal-individwi oħra, il-ħarsien ta’ kxif ta’ informazzjoni kunfidenzjali, u l-ħarsien tal-imparzjalità tal-ġudikatura.

L-Ispeaker irrimarka li l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin għaraf joħloq struttura fi ħdanu biex jindirizza mġiba mhux korretta.  Huwa saħaq  fuq l-importanza li l-ġurnalisti għandhom jagħtu lill-fatti, kif ukoll li janalizzaw u jgħarblu bir-reqqa kull sitwazzjoni li tolqot il-ħajja umana.  Fil-missjoni u l-professjoni tagħhom, il-ġurnalisti għandhom iħaddnu mġiba morali tajba u jirrispettaw id-dinjità tal-persuna umana. (DOI)

Advertisements