Finalisti tal-MJA: Kelmtejn miċ-Chairman tal-IGM

Il-lejla t-tajba lil kulħadd. Qed inwaslilkom il-kelmtejn li bagħat iċ-Chairman li ma setax jingħaqad magħna llejla.

Iltqajna għal darb’oħra biex inħabbru l-finalisti minn fost dawk li ssottomettew ix-xogħlijiet ġurnalistiċi tagħhom. Bi pjaċir ninnutaw li s-sottomissjonijiet reġgħu żdiedu fuq dawk ta’ l-aħħar edizzjoni u din is-sena laħħqu l-mitt sottomissjoni.

Tislima lill-isponsors kollha li sena wara sena bl-appoġġ finanzjarju tagħhom jibqgħu jagħtu vot ta’ fiduċja fl-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin. Insellem lill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità li dis-sena ngħaqdet magħna b’kategorija ġdida, li tippremja l-aktar rappurtaġġ etiku u pożittiv fil-qasam tad-diżabilitá.

M’huwiex b’kumbinazzjoni lanqas li dis-sena xtaqna li s-serata tat-tħabbir tal-finalisti nagħmluha propju hawn, fil-binja maestuża tal-Parlament Malti – l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Waqt li nirringrazzja lill-Ispeaker u l-istaff tal-uffiċċju tiegħu li għamluha possibbli għalina, xtaqna fl-istess waqt inwasslu messaġġ lill-politiċi li jiġu f’din il-binja biex jaqdi d-doveri tagħhom.

Sfortunatament, ħidmet il-ġurnalisti fl-aħħar xhur, filwaqt li komplejna narawha tagħti iżjed frott – speċjalment f’dak li hu ġurnaliżmu investigattiv, qed naraw li qed tiġi nieqsa mir-rispett, xi kultant mill-istess politiċi.

Il-partiġġjaniżmu, li konna mwiegħda li l-politika Maltija se titnaddaf minnu, mhux talli ma tnaddafx, talli qed jikber u jkattar il-firdiet u l-qasma bejn aħna u huma. Biżżejjed inħarsu lejn xi blogs li jinkitbu.

Kieku dawn il-blogs jesprimu opinjoni li tixpruna diskussjoni sana biex l-affarijiet f’pajjiżna jsiru aħjar wieħed jifhimha u japprezzaha, imma mhux meta l-kontenut ikun intenzjonat biss biex jaqa’ fil-pesonali. Ħasra, li għandna wkoll ġurnalisti li sa ċertu punt huma vittma tal-aġenda partiġġjana tal-media tal-partiti. Nikkonfermaw dan meta ninnutaw li dawn l-istess ġurnalisti, probabbli mqabbdin, jirrikorru għand dan l-Istitut biex joħroġ għonqu għalihom, bħallikieku l-Istitut huwa xi strument tal-konvenjenza.

Hi ħasra li l-ġurnalisti qed jaħdmu għat-telgħa. Iżda ma naqtgħux qalbna. Nibqgħu nagħmlu xogħolna, għax allaħares ma nkunux aħna li bil-ħidma tagħna nwasslu lill-poplu tagħrif li jolqtu u jinteressaħ anke jekk ħafna drabi dan nagħmluh b’sagrifiċċju u b’ħidma kontra l-kurrent.

B’sodisfazzjon irrid nirrimarka, li fl-aħħar, waħda mill-ħidmiet li l-Istitut tal-Ġurnalisti kien ilu jaħdem fuqha s-snin se ssir realta. Minn Ottubru li ġej, l-MCAST se joffri Kors fil-Ġurnaliżmu li jista’ jwassal sa’ Baċellerat u aktar.

Fl-aħħar u mhux l-inqas, jinkwetana kumment li ta Ministru lill-media fl-aħħar jiem meta qal li filwaqt li jaqbel li l-libell kriminali għandu jitneħħa, imma żied li dan m’huwiex ta’ priorità.

Ironikament, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin reġa’ ltaqa’ mal-Ministru tal-Ġustizzja, Owen Bonnici, fil-bidu ta’ din is-sena u matul il-laqgħa ġejna assigurati li kollox kien lest, bl-emendi fil-liġi inklużi biex dan iseħħ. L-Istitut ma jistax jifhem dik li evidentement hi inkonsistenza. L-IĠM se jibqa’ jagħmel pressjoni sakemm il-libell kriminali jitneħħa.

Awguri mill-qalb lill-finalisti kollha u niltaqgħu għas-serata finali!

Advertisements