Diskors tal-ET l-President Emeritu Dr Ugo Mifsud Bonnici waqt it-tnedija tal-Kors fil-Ġurnaliżmu mogħti mill-MCAST in kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Tumas Fenech għall-Edukazzjoni fil-Ġurnaliżmu

President Emeritus Dr Ugo Mifsud Bonnici at the launch of the MCAST degree course in journalism.

Il-President Emeritus Dr Ugo Mifsud Bonnici waqt it-tnedija tal-kors tal-baċelerrat fil-ġurnaliżmu fl-MCAST.

Il-Fundazzjoni Tumas Fenech għall-Edukazzjoni fil-Ġurnaliżmu (FTFEĠ) kellha mill-bidu bħala l-iskop tagħha illi tkabbar l-edukazzjoni tal-ġurnalisti, kif inhi msemmija, u bdiet għalhekk torganizza korsijiet qosra fil-limitu tar-riżorsi tagħha biex tkabbar u twessa’ t-tagħlim tal-ġurnalisti prattikanti fid-diversi oqsma tal-ħajja kulturali, soċjali u ekonomika Maltija.  

Mill-bidu però irrealizzajna li għalkemm din l-attività hija utli, u fil-fatt matul dawn l-aħħar għaxar snin għandna s-sodisfazzjon ngħidu illi waslet fl-iskop tagħha, b’danakollu kien jeħtieġ illi l-preparazzjoni f’livell għoli tingħata f’istituzzjoni ta’ tagħlim post-sekondarju, jiġifieri jew fl-Università jew fl-MCAST.

Jiena stess, flimkien mal-mibki Lino Spiteri li kien Viċi President tal-Fondazzjoni, konna tkellimna mal-awtoritajiet tal-Fakultà tal-Komunikazzjoni fl-Università biex naraw dan setax jitwettaq.  Fil-fatt kien hemm diffikultajiet li issa qed nieħu pjaċir li ġew megħluba għaliex ser jiġi mniedi dan il-kors fl-MCAST.  Ħadmu biex tingħata struttura lill-kors fl-MCAST diversi persuni, imma xtaqt insemmi b’mod partikolari lill-Ambaxxatur Anthony De Bono, lil Dr Andrew Azzopardi u lis-Sur Ian Attard mill-MCAST.

Il-kors ser ikun ukoll l-ewwel pass biex il-professjoni ġurnalistika tingħata rikonoxximent uffiċjali u biex l-etika professjonali tal-ġurnalisti tiġi msaħħa bl-edukazzjoni.  Aħna nemmnu illi l-ġurnalist f’demokrazija għandu funzjoni vitali għaliex irid jgħaddi l-informazzjoni b’mod illi ċ-ċittadin jista’ jipparteċipa fit-tmexxija ta’ pajjiżu, kif għandu dritt li jagħmel bħala dritt uman tiegħu, mhux biss meta jiġi biex jagħti l-vot, iżda wkoll billi jsegwi l-amministrazzjoni b’suġġerimenti u bi kritika.  Mingħajr din il-parteċipazzjoni ma jkunx hawn demokrazija vera u għalhekk il-ġurnalist huwa ħolqa indispensabbli fit-tmexxija tajba ta’ pajjiż.  

Nagħlaq billi ngħid illi għalkemm sallum kellna u għandna ġurnalisti tajbin, li jiena nsellmilhom, il-professjoni nnifisha ma kienx għad għandha r-rikonoxximent fis-soċjetà li jistħoqqilha.  Għada pitgħada, anke l-liġijiet tal-pajjiż ikun hemm bżonn li jassigurawlha aħjar id-dmirijiet u d-drittijiet tagħha.

 

Advertisements