L-ISTITUT TAL-ĠURNALISTI MALTIN JISTENNA LI JITTIEĦDU PASSI KONTRA MIN XEKKEL IL-ĦIDMA TAL-ĠURNALISTI FL-INĊIDENTI TAL-BIERAĦ

Għal darb’oħra membri tal-medja lokali reġgħu ġew imfixxkla milli jagħmlu x-xogħol tagħhom hekk kif waqt protesta organizzata mill-Għaqda Patrijotti Maltin, persuna li kienet qed tieħu sehem fil-protesta xekklet ix-xogħol tal-ġurnalisti u cameraperson.
 
Filwaqt li l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, IĠM, jikkundanna bil-qawwa kollha din l-imġiba repetittiva li thedded il-libertà tal-ġurnalisti fil-qadi ta’ dmirijiethom, l-Istitut jinnota b’mod pożittiv l-azzjoni li ħadet il-Pulizija bl-arrest tal-persuna involuta, kif ukoll id-diżassoċjazzjoni mill-persuna arrestata mill-Għaqda Patrijotti Maltin.

 
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, IĠM, jistenna lill-awtoritajiet konċernati biex jieħdu l-passi skont il-liġijiet ta’ Malta kontra min hu involut. Dan minħabba li meta jkun qed jixxekkel ix-xogħol tal-membri tal-medja, tkun qed tinkiser il-liġi Maltija li tisħaq fuq il-libertà tal-istampa kif tipprovdi l-Kostituzzjoni ta’ Malta.
 
L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jieħu wkoll l-opportunità jerġa’ jressaq ‘il quddiem il-proposta li diġà ressaq lill-Ministeru tal-Ġustizzja sabiex f’okkażjonijiet partikolari bħal dawn, ikun hemm uffiċjal tal-pulizija assenjat mill-ewwel mal-membri tal-medja, anki bħala punt ta’ referenza.
Advertisements