Diskors taċ-Chairman tal-IĠM fl-okkażjoni tal-Finali tal-Malta Journalism Awards 2015

Iċ-Chairman tal-IĠM Karl Wright jindirizza l-finali tal-MJA.

Iċ-Chairman tal-IĠM Karl Wright jindirizza l-finali tal-MJA.

Sinjuri, kollegi u ħbieb, nilqagħkom għas-serata finali tal-Malta Journalism Awards, li dis-sena hi waħda speċjali għall-fatt li l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, l-IĠM, qed jiċċelebra l-25 anniversarju tiegħu.

Mhix ċajta hux…onestament nistħajjel li ftit kienu dawk li immaġinaw li dan l- Istitut kien se jibqa’ għaddej, speċjalment meta fil-qasam tal-media tul is-snin ħraxet il-kompetizzjoni u sfortunatament, anki fis-snin riċenti – inkluż fl-aħħar xhur – rajna min jagħżel li ħadem iżjed għal rasu.

Xtaqt li f’din l-okkażjoni, nitlobkom tirriflettu miegħi dwar ir-relevanza tal- Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, dwar l-importanza tal-ħidma tal-ġurnalist u kif nistgħu flimkien nassiguraw li tkun ħidma effettiva u fl-istess ħin apprezzata.

Nemmen li l-IĠM huwa relevanti, anki jekk ir-rilevanza tiegħu tieħu xejra differenti. Illum huwa l-Istitut li jrid ifittex iżjed minn qatt qabel li jqarreb il-ġurnalisti lejn xulxin, li jfittex li jkun pro-attiv u jsemma’ leħnu – leħen il- ġurnalisti. Biex jagħmel dan irid żgur jisma iżjed – Kien għalhekk li l-ewwel ħaġa li ridt nagħmel mal-ħatra tiegħi ta’ Chairman (u li bi ħsiebni nibqa’ nagħmel regolari) kienet li mmur fil-mediahouses differenti biex niltaqa’ mal- kollegi u flimkien ma’ sħabi tal-Kunsill, nisimgħu x’inhu dak li jdejjaqhom, x’inhu dak li jridu jaraw fl-Istitut, x’inhuma l-aspettattivi tagħhom minnu.

Smajna u ħadna nota…forsi mhux mingħand kulħadd, għax baqa’ 3 mediahouses li għad iridu jilqgħuna biex niltaqgħu mal-ġurnalisti tagħhom. Ma waqafniex hemm, imma l-istess eżerċizzju wessajnieh mal-partiti politiċi – li sakemm wassalnielhom ċertu messaġġi u tħassib tal-istess ġurnalisti, tlabniehom ituna wkoll l-fehma tagħhom dwar ir-relevanza tal-IĠM.

Ħarġu ħafna kummenti kostruttivi minn dawn il-laqgħat. Ilqajna wkoll ħafna kritika kostruttiva. Pereżempju, l-kritika lill-Istitut biex jgħarraf iktar lill-ġurnalisti u membri tiegħu b’dak li jkun qed jagħmel. Biex ikun iktar strutturat fi ħdanu stess. Biex ma jiffukax biss fuq l-Awards. U iktar…

Iva, nilqgħu il-kritika u nħarsu ‘l quddiem. Implimentajna diġà bidliet interni fl- Istitut biex inkunu iżjed aċċessibbli. Pereżempju – issa l-membri għandhom membru tal-Kunsill punt ta’ referenza biex jissieħbu jew biex iġeddu s-sħubija.

Ħloqna card ġdida għall-membri, li tirrikonoxxi lill-ġurnalist Malti anki internazzjonalment. Qed naraw li l-media soċjali tal-IĠM titħaddem aħjar u qed insemmgħu leħinna iżjed pubblikament.

Fhimna li ta’ priorità għall-ġurnalisti hi li jitneħħew it-traċċi tal-aspett kriminali mil-libell fil-liġi ta’ Malta. Żammejna laqgħa mal-Ministru tal-Ġustizzja Dr Owen Bonnici u mal-Avukat Ġenerali dwar dan u tawna l-kelma li dis-sena se jsiru l-emendi fil-liġi. Anki f’dal-laqgħat qed inkunu pro-attivi. Niftakar li matulha semmejt l-aspett ta’ medjazzjoni fil-kawżi tal-libell, it-twaqqif ta’ uffiċċju stampa fil-Qrati u t-twaqqif ta’ Kummissjoni, li tkun tinkludi wkoll s-sehem tal-ġurnalisti, biex tirrevedi l-liġijiet relatati mal-Istampa u x-Xandir f’pajjiżna.

L-IĠM iltaqa’ wkoll mal-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela, flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija, u l-Brigadier tal-Forzi Armati ta’ Malta. Nixtiequ li l-Korpi Dixxiplinati jkunu iktar orjentati għall-ħtiġijiet tal- media. Anki hawn ħadna l-inizjattiva biex nipproponu li pereżempju, f’inċidenti ta’ ċertu skala, ikun hemm fuq il-post uffiċjal li jkun punt ta’ referenza għall-media. Ipproponejna li jinżammu aktar laqgħat mal-edituri u anki li ssir attività flimkien biex il-ġurnalisti u l-Forzi Dixxiplinati jagħrfu jaħdmu aħjar flimkien.

Altru milli għandu relevanza dan l-Istitut.

Ma jistax jonqos milli nħabbrilkom illejla riżultat ieħor ta’ sodisfazzjon kbir għall-IĠM, grazzi għall-Fondazzjoni Tumas Fenech għall-Edukazzjoni fil-Ġurnaliżmu u għall-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-MCAST, kif ukoll għall-PBS u l-Media Centre. Il-Kunsill tal-Istitut ilu snin jirsisti, u fl-aħħar xhur qarribna sew biex fil-ġimgħat li ġejjin jinfetaħ kors ġdid fl-MCAST għal min irid jistudja l-ġurnaliżmu. Wasalna. Qed inħarsu ‘l quddiem biex naraw dan il-kors jimmaterjalizza fuq bażi part-time…eventwalment mis-sena d-dieħla, anki fuq bażi full-time li jiftaħ oriżżonti għall-istudenti li jagħżluh – għax ikunu jistgħu jibqgħu telgħin skaluna skaluna għal Diploma, Degree u saħansitra Masters.

Semmejt il-Fondazzjoni Tumas Fenech… Naf li hawn preżenti ċ-Chairman tagħha Dr Ugo Mifsud Bonnici – President Emeritus, u l-membri kollegi…flimkien qed naħdmu biex norganizzaw iżjed seminars edukattivi għall-ġurnalisti. Identifikajna diġà setturi differenti li nħossu li jimmeritaw l-attenzjoni u qed norganizzawhom, anki bis-sehem ta’ uħud mill-kumpaniji preżenti li jisponsorjaw kategorija jew oħra.

Niġi għall-Unuri tal-lejla.

Kellna mat-73 sottomissjoni li minnhom intgħażlu 43 finalist li llejla tinsabu hawn. Grazzi lilkom u lill-ġurnalisti kollha li ħassew li kellhom jiddedikaw ħin biex japplikaw u jesponu x-xogħol tagħhom. Għandna prodott tajjeb. Qed isir xogħol tajjeb – l-isbaħ li jkun meta jsir fi spirtu ta’ kompetizzjoni ġenwina u mhux b’xi xamma ta’ pika jew biex xi ħadd jirfes lill-ieħor.

Kull unur – jiġifieri 15 b’kollox, ifisser ukoll fiduċja kbira mill-isponsors.

Ninsabu fi SmartCity – wieħed mill-isponsors…grazzi kbira lilkom kollha – naf li tinsabu hawn għax tapprezzaw il-ġurnaliżmu Malti u ħidmet il-ġurnalist. Dis-sena għandna wkoll żewġ sponsors ġodda – il-Bank Ċentrali ta’ Malta u Britannia Services Limited. Grazzi kbira … Nassigurakom li diġà nedejna ħidma biex is-sena d-dieħla nkomplu nwessgħu l-unuri f’oqsma oħra tal-ġurnaliżmu f’pajjiżna, bi sponsors ġodda wkoll li diġà qed jitkellmu magħna.

Grazzi lill-membri tal-ġurija. Grazzi lill-Kunsill tiegħi, partikolarment lil Roderick Agius li jikkordina dawn l-Awards. Grazzi lil dawk kollha li qed jersqu ‘l quddiem…irridu lill-ġurnalisti kollha, lill-mediahouses kollha jersqu ‘l quddiem. Aħna fil-Kunsill tal-IĠM nibqgħu impenjati nagħtu kemm nistgħu, anki jekk limitati … naturalment minħabba x-xogħlijiet tagħna…lesti nibqgħu nirsistu biex l-IĠM jibqa’ jagħraf jimxi maż-żmien! Kollegi ġurnalisti, għandna bżonn li intom tkunu warajna u magħna biex l-Istitut tagħna jkun jista’ jsir dejjem iktar relevanti.

Grazzi mill-qalb talli ġejtu u nawguralkom lejla mill-isbaħ!

Advertisements