L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) dwar ir-rispett lejn ix-xogħol tal-ġurnalisti

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) iħoss il-bżonn li jiġbed l-attenzjoni tal-partiti politiċi dwar il-prassi stabbilita li kwalunkwe protest jew ilment dwar rappurtaġġ imxandar għandu l-ewwel jiġi deċiż mill-Awtorità tax-Xandir qabel isiru xi akkużi pubbliċi maħsuba biex jimminaw il-kredibiltà ġurnalistika.

L-IĠM qed jagħmel din l-istqarrija wara lment li rċieva mingħand il-membru tiegħu Reno Bugeja wara Konferenza tal-Aħbarijiet indirizzata mill-Partit Nazzjonalista nhar il-Ħamis li għadda.

Mingħajr ma jidħol fil-mertu tal-każ imressaq mis-Sur Bugeja, li qed jilmenta minn “kampanja sistematika” kontra tiegħu, l-IĠM ifakkar li x-xandir pubbliku huwa suġġett mhux biss għal-liġi tal-Istampa iżda wkoll għal-liġi tax-Xandir, inkluż il-monitoraġġ tal-Awtorità tax-Xandir.

Għaldaqstant, l-Istitut itenni li qabel isiru xi akkużi, kwalunkwe interpellant għandu qabel xejn ifittex ir-rimedji li tagħtih il-liġi, waqt li jirrispetta lill-ġurnalisti u x-xogħol tagħhom.

L-IĠM jibqa’ kommess li jagħti sehmu biex il-ġurnaliżmu f’pajjiżna, mhux biss ikun ħieles, imma jservi bl-aħjar mod lill-pubbliku.

Advertisements