Malta Journalism Awards 2015 – Serata ta’ tħabbir tal-finalisti – 15 TA’ MEJJU 2015

DISKORS MINN KARL WRIGHT, CHAIRMAN TAL-ISTITUT TAL-ĠURNALISTI MALTIN –

IĠM Chairman Karl Wright

IĠM Chairman Karl Wright

Il-lejla t-tajba u nilqagħkom għal din l-okkażjoni qasira pero sinifikanti, li matulha jitħabbru l-finalisti tal-Malta Journalism Awards li din is-sena daħlu fil-25 sena tagħhom.

Hu għalija ta’ unur li din is-sena minflok fuq in-naħa tagħkom, kif kont sa sena ilu, qiegħed hawn nirrappreżentakom permezz tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, l-IĠM, li tiegħu iktar kmieni din is-sena nħtart Chairman. Nieħu mill-ewwel l-okkażjoni nsellem liċ-Chairman ta’ qabli Malcolm Naudi għal snin twal ta’ impenn u ovvjament lill-Kunsill tal-IĠM.

Għal tali serata, preżenti bi prominenza fostna, huma l-isponsors – dawk li jagħmluha possibbli biex aħna l-ġurnalisti, fid-diversi kategorji, eżattament 15, niċċelebraw – mhux biss ma’ min minn fostna jkun intagħżel finalist…anzi, ħafna iktar minn hekk, niċċelebraw ix-xogħol tagħna. Ejjew ma nissottovalutawx il-ħidma tagħna. Bħal f’kull xogħol, is-salarju hu importanti, pero bil-wisq iktar importanti huwa s-sodisfazzjon li jagħti x-xogħol innifsu lil min ikun fih b’qalbu kollha u lil min jagħti l-aqwa li jista’ biex jagħmel id-differenza. Kollegi fil-ġurnaliżmu, dan hu għalija x-xogħol tiegħi u tagħkom. Iva, b’xogħolna nagħmlu d-differenza. U proprju għalhekk ukoll li niċċelebrawh fl-Awards, fi spirtu ta’ kompetizzjoni sabiħa bejn il-kollegi saħansitra fi ħdan l-istess media u anki f’media differenti.

Fil-fatt, irrid bi pjaċir ngħid li dis-sena nqabeż in-numru ta’ sottomissjonijiet li soltu jsiru…din id-darba dawn telgħu għal 73 ġejjin minn għadd ġmielu ta’ ġurnali, stazzjonijiet tar-radju u televiżjoni u siti elettroniċi tal-aħbarijiet.

Illejla jitħabbru 43 finalist.

Irrid infakkar li l-ġurija hi magħmula minn individwi midħla tal-ġurnaliżmu li ma jkunux iltaqgħu ħlief fl-aħħar biex jgħoddu l-marki li jkunu taw. Nieħu l-opportunità nirringrazzjahom, bħalma nirringrazzja lill-Ministru Owen Bonnici għas-sapport tiegħu biex illejla qed niltaqgħu hawnhekk f’St James Cavalier.

Grazzi wkoll u mill-ġdid lill-isponsors kollha, inkluż it-tnejn il-ġodda – Britannia Tours (Sponsor tal-kategorija tal-ġurnaliżmu marbut mal-ivjaġġar) u l-Bank Ċentrali ta’ Malta (Sponsor tal-kategorija ta’ artikli ta’ opinjoni) – Grazzi lilkom li għoġobkom tissieħbu ma’ dawk stabbiliti fil-fiduċja u s-sapport lill-ġurnaliżmu Malti f’dawn l-Awards.

Nagħlaq billi nistedinkom bil-quddiem, inkluż lil dawk li ma ntagħżlux bħala finalisti llejla, għas-serata finali fl-10 ta’ Lulju fi SmartCity, serata li se niċċelebrawha flimkien bi kbir, ikolli ngħid, kif inhu mistħoqq għall-25 anniversarju.

 

 

Advertisements