Il-kumpanija Crystal Finance Investments Ltd. tappoġġja lill-IĠM fl-awards għall-ġurnalisti

Għat-tieni sena konsekuttiva, il-kumpanija Crystal Finance Investments Limited qiegħda tagħti l-appoġġ lill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) fl-organizzazzjoni tal-Awards għall-Ġurnalisti li l-IĠM torganizza kull sena.

Il-kumpanija Crystal Finance Investments tisponsorja l-kategorija tal-Ġurnaliżmu Stampat – Aħbarijiet Sportivi.

Crystal Finance Sponsorship presentation 22 04 2015

Conrad Mifsud, id-Direttur ta’ Crystal Finance Investments Limited jippreżenta l-isponsorship lis-Sur Karl Wright (lemin), Chairman tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.

Conrad Mifsud, id-Direttur ta’ Crystal Finance Investments Limited qal li l-kumpanija hija għal darb’oħra onorata li qed tappoġġja l-ħidma tal-ġurnalisti u l-professjoni tal-ġurnaliżmu f’Malta. “Intennu l-fehma tagħna li l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin għandu r-rwol ewlieni biex il-professjoni tal-ġurnaliżmu tkompli tiżviluppa waqt li ssaħħaħ ukoll il-livell tal-ħidma tal-media lokali.”

Waqt il-preżentazzjoni tal-isponsorship, is-Sur Conrad Mifsud fisser ukoll lill-IĠM bħala “forum importanti li bih il-professjoni ġurnalistika b’mod kollettiv u etiku taħdem mas-soċjetà ċivili u entitajiet korporattivi, bl-iskop li dan jissarraf f’sinerġiji li minnhom tibbenefika l-professjoni ġurnalistika u b’riżultat t’hekk anki s-soċjetà.”

Min-naħa tiegħu, is-Sur Karl Wright, Chairman tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, IĠM, radd ħajr lill-Crystal Finance li għal darb’oħra qed tappoġġja l-Awards; għajnuna li tfisser ukoll fiduċja u appoġġ lill-ġurnaliżmu Malti in ġenerali.

“L-IĠM wera wkoll il-fehma li dan hu settur importanti li jimmerita iżjed spazju fl-informazzjoni u fit-tagħrif edukattiv li jingħataw lill-pubbliku. F’dan is-sens, l-IĠM hu impenjat li jesplora l-possibiltà ta’ seminar miftuħ għas-sehem ta’ dawk kollha involuti fis-settur finanzjarju,” qal Karl Wright waqt il-preżentazzjoni tal-isponsorhip mill-kumpanija Crystal Finance.

Is-serata finali tal-għoti tal-awards lill-ġurnalisti fi 15-il kategorija differenti se ssir fl-10 ta’ Lulju 2015, fi SmartCity Malta, Kalkara.

Advertisements