L-IĠM JIDDISKUTI D-DEKRIMINALIZZAZZJONI TAL-LIBELL MAL-MINISTRU OWEN BONNICI

22 ta’ April 2015

F’laqgħa kordjali li l-Kunsill tal-Ġurnalisti Maltin, l-IĠM, kellu mal-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Kunsilli Lokali, Dr Owen Bonnici, kienu diskussi numru ta’ temi li jolqtu l-ġurnaliżmu f’pajjiżna fosthom id-dekriminalizzazzjoni tal-libell, l-inklużjoni strutturata tal-medjazzjoni f’każi ta’ libell, it-twaqqif ta’ Uffiċċju Stampa jew il-ħatra ta’ Press Officer fil-Qorti u r-reviżjoni tal-Press Act – il-liġijiet li għandhom x’jaqsmu mal-istampa.

Matul il-laqgħa mitluba mill-IĠM, il-Ministru Bonnici kien akkumpanjat mill-Avukat Ġenerali, Dr Peter Grech filwaqt li l-Kunsill tal-IĠM kien immexxi miċ-Chairman Karl Wright.

Id-delegazzjoni tal-Kunsill talbet lill-Ministru biex, wara laqgħa li kienet saret mal-Prim Ministru, li min-naħa tiegħu kien wiegħed li se jikkunsidra t-talba tal-IĠM biex il-libell ma jibqax jitqies bħala reat kriminali iżda jibqa’ biss wieħed ċivili, jieħu din il-materja b’urġenza biex kemm jista’ jkun malajr issir din il-bidla fil-liġi.

Il-Ministru Bonnici wiegħed li se jagħtiha attenzjoni urġenti u li se jaħdem fuqha immedjatament bil-koperazzjoni tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Waqt din id-diskussjoni, il-Kunsill wassal numru ta’ ideat lill-Ministru Bonnici fosthom li f’kawżi ta’ libell ikun hemm perijodu ta’ medjazzjoni bl-iskop li ż-żewġ naħat jaslu fi ftehim bla ma jkun hemm bżonn li titkompla l-kawża u jkun iffrankat ħafna ħin għal kulħadd.

L-IĠM issuġġerixxa wkoll li titwaqqaf Kummissjoni, li tinklud irappreżentanza tal-ġurnalisti, biex teżamina l-liġijiet li għandhom x’jaqsmu mal-istampa u x-xandir u jsiru proposti biex ikollna liġi moderna li tirregola l-media f’pajjiżna.

Il-Ministru Bonnici wiegħed li se jikkunsidra dawn il-proposti u jikkomunika dwarhom mal-Istitut tal-Ġurnalisti, l-IĠM, aktar ‘l quddiem.

 

Advertisements