Titħabbar il-mewt ta’ Pijunier tal-Industrija tal-Komunikazzjoni: Joseph Brockdorff

Joseph Brockdorff

Joseph Brockdorff

Joseph ‘JB’ Brockdorff, il-fundatur u ċ-Chairman ta’ BPC International Ltd, miet il-bieraħ 7 ta’ April fl-eta’ ta’ 77 sena.

L-impenn tiegħu fil-qasam tal-midja u komunikazzjoni beda f’eta’ ta’ anqas minn għoxrin sena, meta kien jieħu sehem regolari f’xandiriet permezz tar-radju fuq ir-Rediffusion. Lejn l-aħħar tas-snin ħamsin, bit-twaqqif tal-BPC, kien strumentali fil-ħolqien tal-industrija tal-marketing communications professjonali fi żmien meta ir- reklamar kien għadu propju fil-bidu tiegħu hawn Malta. Hu inkorraġġixxa wkoll it-talent Malti fil-qasam tax-xandir u dak mużikali. Inizzjattiva oriġinali oħra għal Malta li kien ħareġ biha fis-snin sittin kienet il-produzzjoni u l-markiting tal-ewwel serje ta’ recordings fuq 45rpm b’lirika u mużika ta’ kompożituri Maltin.

JB kien il-fundatur tal-Kapitlu Malti tal-International Advertising Association, l-organizazzjoni li tiġbor fi ħdanha dawk li jirreklamaw (advertisers), l-aġenziji tar- reklamar, u l-kumpanniji tal-midja.

Minn snin qabel, hu fehem il-ħtieġa ta’ organizzazzjoni ġurnalistika li ma tkunx partiġġjana, iżda li tiġbor fiha ġurnalisti ta’ fehmiet politiċi differenti. Fil-fatt, kien strumentali għat-twaqqif tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, u li issa, dan l-Istitut ilu sa mill- 1989 jaħdem biex jiżviluppa u jsaħħaħ ġurnaliżmu ħieles, responsabbli, professjonali, u li jkun kapaċi jirregola lilu nnifsu. Bl-appoġġ tiegħu, l-Istitut żviluppa struttura komprensiva biex f’Malta jkun hawn ġurnaliżmu aktar responsabbli permezz ta’ inizzjattivi bħalma huma l-Kodiċi ta’ Etika Ġurnalistika u l-Kummissjoni għall-Etika Ġurnalistika. Kien strumentali wkoll biex tinbeda l-inizzjattiva annwali u prestiġġjuża tal-‘Award to Journalists’, li llum saret l-avveniment ewlieni tal-kalendarju ġurnalistiku f’Malta.

Sa ftit ilu, JB kien għadu fuq il-bord tal-Fondazzjoni Patrimonju Malti. Sa mis-snin disgħin, hu ta sehem importanti fil-ħolqien ta’ strategiji u policies biex din il-Fondazzjoni tkattar aktar l-għarfien dwar il-wirt kulturali ta’ dawn il-gżejjer.

Id-dettalji dwar il-funeral jitħabbru aktar tard.

Advertisements