Awguri lill-Kunsill Ġdid

This opinion article on the Institute was published by Treasurer Mario Schiavone in In-Nazzjon :

Nhar is-Sibt li għadda saret il-laqgħa ġenerali annwali tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin li fost affarijiet oħra eleġġiet il-Kunsill li għandu jmexxi dan l-istitut tul din is-sena. Il-Kusill issa għandu Ċermen ġdid, fil-persuna tas-Sur Karl Wright wara li Malcolm Naudi li kien ilu jmexxih għal dawn l-aħħar 17-il sena, wera x-xewqa li ma jibqax f’din il-kariga.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin li s-sena li għaddiet iċċelebra l-25 anniversarju mit-twaqqif tiegħu hu l-uniku organiżazzjoni lokali li tirrappreżenta lill-ġurnalisti u għandu fost il-membri tiegħu, ġurnalisti minn kull gazzetta, stazzjon televiżiv jew stazzjon tar-radju. Jiġbor fih ukoll fotografi u camera persons li jaħdmu fil-media lokali.

Ftit jirrikonoxxu u japprezzaw il-ħidma ta’ dan il-Kunsill u l-kisbiet li rnexxielu jagħmel biex il-professjoni ġurnalistika jkollha l-post li jixirqilha u biex il-ġurnalisti Maltin ikollhom drittijiet li jgħinuhom jaqdu dmirijiethom f’pajjiż demokratiku, mingħajr tfixkil jew biża’.

Meta jien bdejt il-karriera tiegħi fil-ġurnaliżmu, il-ġurnalisti Maltin ma kellhomx id-drittijiet li jgawdu llum. Min jaf kemm il-libell qlajna għax xi ħadd iħossu nġurjat minn xi rapport fil-gazzetti li jkun irrapporta fedelment dak li jkun qal xi politiku jew persuna prominenti oħra. L-editur u l-istampatur tal-gazzetta kien ikollhom jidhru l-Qorti u kultant ikunu kundannati multi avolja r-rapporti tagħhom ikunu fidili ma dak li ntqal.

Illum din is-sitwazzjoni inbidlet. Jekk ġurnalisti jirrapporta b’mod fidil dak li jkun qal ħaddieħor, ma jistgħux jittieħdu passi kontrih imma biss kontra dak li jkun qal id-diskors li jinħass inġurjuż.

Sa ftit snin ilu, ġurnalist li jitħarrek biex jidher il-Qorti, biex jixhed f’xi kawża, seta’ jkun imġiegħel jisvela min kien wassallu l-imformazzjoni li ppubblika. Illum l-ebda Qorti ma tista’ ġġiegħel ġurnalist jisvela s-sors tal-informazzjoni tiegħu.

Dawn huma żewġ drittijiet importanti li l-ġurnalisti Maltin kisbu f’dawn l-aħħar snin bil-ħidma tal-Istitut tal-Ġurnalisti.

Jekk illum fil-pajjiż hawn Kodiċi ta’ Etika Ġurnalistika – li iva jeħtieġlu jkun aġġornat – dan il-Kodiċi jeżisti għax ħadem għalih l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.

Jekk illum il-Gvern qed jikkunsidra bis-serjeta’ li l-libell kriminali għandu jitneħħa minn fuq il-kotba tal-liġijiet ta’ pajjiżna, dan ukoll wara rappreżentazzjonijiet u insistenza tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin.

Sal-lum f’pajjiżna għad ma jeżistix kors akkademiku biex jipprepara nies għal karriera fil-ġurnaliżmu. L-Universita toffri korsijiet fil-Komunikazzjoni u diversi gradwati minn dan il-kors qabdu karriera ġurnalistika. Imma ma hawnx kors fil-Ġurnaliżmu kif jeżisti f’pajjiżi oħra. Issa bis-saħħa tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin u l-Fondazzjoni Tumas Fenech għall-Edukazzjoni fil-Ġurnaliżmu, hemm il-ħsieb li minn Ottubru li ġej l-MCAST jibda joffri kors li jwassal għal Diploma fil-Ġurnaliżmu u eventwalment anke għal Baċellerat.

Dawn huma ftit mill-akkwisti li l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin għamel biex il-professjoni ġurnalistika f’pajjiżna titpoġġa fuq sisien aktar sodi u jkollha r-rikonoxximent li jixirqilha.

Għal dawn l-aħħar snin l-Istitut ingħata wkoll rikonoxximent formali mill-Gvernijiet tal-pajjiż u hu rappreżentat f’diversi entitajiet nazzjonali. Hu wkoll membru affiljat tal-Federazzjoni
Internazzjonali tal-Ġurnalisti u tal-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti u fis-snin li għaddew kien fdat ukoll mill-Iskola tal-Ġurnaliżmu ta’ Maastricht biex jorganizza f’Malta korsijiet għal ġurnalisti mill-Ewropa.

Ta’ kull sena, l-Istitut jorganizza l-Awards tal-Ġurnalisti li hu l-uniku rikonoxximent li jippremja lill-ġurnalisti f’pajjiżna għall-ħidma tagħhom matul is-sena. Din is-sena dan ir-rikonoxximent se jkun qed jingħata għall-25 sena konsekuttiva.

L-isfortuna hi li numru ta’ ġurnalisti Maltin għad ma għarfux il-validità ta’ din il-ħidma u għadhom iżommu lura milli jissieħbu fih. L-appell tiegħi, li kont wieħed mill-fundaturi tal-Istitut u għadni naħdem fih sal-lum, hu biex aktar ġurnalisti jissieħbu fl-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin għax b’hekk ikunu jistgħu jaħdmu flimkien biex jinkisbu aktar drittijiet u biex il-ġurnalist Malti jilħaq ukoll livell professjonali ogħla. Nawgura lill-Kunsill il-ġdid aktar ħidma siewja.

 

 

Advertisements