L-Istitut tal-Ġurnaliti Maltin isellem lil George Fenech

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin isellem il-memorja tal-imprenditur George Fenech, Chairman tat-Tumas Group li miet fit-2 ta’ Diċembru fl-eta’ tal 63 sena.

Is-Sur Fenech mexxa grupp ta’ imprendituri li kien twaqqaf minn missieru – is-Sur Tumas Fenech – liema grupp ta’ kontribut kbir lill-ekonomija b’investiment kbir u ħolqien ta’ mijiet ta’ mpjiegi fl-oqsma tal-ospitalita, ir-real estate u l-awtomobilizmu fost l-oħrajn.

George Fenech kien ukoll strumentali biex ikkonvinċa lil ħutu li flimkien jiffurmaw it-Tumas Group, biex twaqqfet il-Fondazzjoni Tumas Fenech għall-Edukazzjoni fil-Ġurnalizmu li tul is-snin li ilha mwaqqfa tat kontribut kbir biex għenet fl-edukazzjoni tal-ġurnalizmu f’Malta permezz ta’ diversi korsijiet u inizjattivi edukattivi oħra.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jibqa’ rikonoxxenti lejn il-familja Fenech li barra li tiffinanzja l-imsemmija Fondazzjoni u l-ħidma tagħha, tisponsorja wkoll il-Gold Award li kull sena tingħata lil xi ġurnalisti li jkun iddistingwa ruħu f’dan il-qasam.

L-Istitut jixtieq iwassal il-kondaljanzi tiegħu lis-Sinjura Fenech u uliedha u lill-Familja Fenech f’dan il-mument diffiċli.

 

Advertisements