Il-25 Anniversarju tal-IĠM

Diskors minn Malcolm J. Naudi, Ċermen tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltinfl-okkażjoni tal-25 anniversarju tal-IĠM il-Palazz Verdala, il-Buskett, 14 ta’ Novembru, 2014

 

Eċċellenzi, Onorevoli Ministri, Membri tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Mistiedna Distinti, kollegi u ħbieb,

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, li beda l-ħajja tiegħu bħala the Malta Press Club fis-6 ta’ Novembru, 1989, illum wasal għal tragward importanti: il-25 anniversarju mit-twaqqif tiegħu. F’dawn l-aħħar 25 sena rajna tibdil kbir fil-media lokali u dan kellu impatt enormi fuq kif naħdmu u kif il-mezzi tal-komunikazzjoni jilħqu l-udjenzi tagħhom.

Il-ġurnalist sar komunikatur fuq diversi livelli – dik professjonali u, permezz ta’ siti elettroniċi u l-media soċjali, inħoloq ġeneru ġdid ta’ ġurnalist: iċ-ċittadin ġurnalist. Fejn 25 sena ilu ftit kienu l-ġurnalisti li kienu jaħdmu f’media differenti f’daqqa, illum kważi kull ġurnalist jaħdem f’mill-inqas żewġ media, apparti mill-presenza personali fil-media soċjali.

F’dan l-isfond nemmen li l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin għadu u għandu jibqa’ relevanti fis-soċjetà Maltija. Naf li hemm dawk li jaħdmu fil-media u anki huma sidien tal-media li jsibuha skomda li entità bħall-IĠM teżisti. Jippreferu li jkun hemm il-liġi tal-ġungla biex jikkomunikaw kif jaqblilhom.Permezz tal-IĠM jien kburi li bqajna ngħafsu f’dawn is-snin kollha fuq it-tlett binarji li jibqgħu il-pern tal-ħidma tagħna: l-Etika, l-Edukazzjoni u l-Professjonalità.

Fl-Etika waqqafna il-Kummissjoni tal-Etika Ġurnalistika; fl-Edukazzjoni waqqafna l-Fondazzjoni Tumas Fenech għall-Edukazzjoni fil-Ġurnaliżmu; u fil-Professjonalità sa mill-bidu nett tat-twaqqif tal-Istitut nedejna l-Malta Journalism Awards, li s-sena d-dieħla wkoll ser ikollna l-25 edizzjoni tagħhom.

Hawnhekk nixtieq insellem lis-Sur Joseph Brockdorff li kien hu li instiga grupp ta’ edituri mill-media kollha biex jiġu flimkien u jwaqqfu The Malta Press Club. Fil-fatt il-kumpanija tiegħu, BPC International, kienet strumentali biex dan l-Istitut seta’ jsib saqajh u jibda jiffunzjona. Għal diversi snin l-IĠM iltaqa’ fl-uffiċini tiegħu u l-Istitut kellu l-użu ta’ terran fi Triq iż-Żekka, il-Belt, li kienet tal-proprjetà tas-Sur Brockdorff, li nkriet b’xejn bħala kwartieri tiegħu.

Ftit ħasbu li l-IĠM ikollha ħajja twila għaliex kien hemm diversi tentattivi fil-passat biex titwaqqaf għaqda tal-ġurnalisti u dawn kollha fallew.Iżda l-qawwa tal-Istitut tinsab fil-membri tiegħu u l-Kunsill li jmexxih, li għarfu li għandhom iwarrbu l-politika partiġġjana li tifred u jaħdmu fuq prinċipji universali li jgħaqqdu – dejjem fl-interess tal-ġurnalisti, fotografi u kameramen li huma l-membri tiegħu.

Is-saħħa tal-Istitut hija fl-istituzzjoni nfisha. L-Istitut mhuwiex trejdjunjin però xorta taqbeż għall-interessi tal-membri. Din is-sena stess, kellna diskussjonijiet mal-ogħla awtoritajiet fil-pajjiż u hu l-pjaċir tiegħi illum inħabbar li jien infurmat li s-sena d-dieħla l-Gvern, fuq talba tal-Istitut, ser iressaq White Paper fuq tibdil fil-Press Act biex jinqata’ darba għal dejjem il-libell kriminali u anki fl-isfond tar-riformi fil-Kostituzzjoni, tiġi msaħħaħ ir-rwol tal-media f’pajjiżna.

Fil-Fondazzjoni Tumas Fenech għall-Edukazzjoni fil-Ġurnaliżmu ftit tal-ġimgħat ilu ġbarna flimkien Bord ta’ Studji b’membri ta’ kalibru kbir. Dawn diġà bdew il-ħidma sfiqa tagħhom u, permezz ukoll tal-appoġġ tal-Ministru tal-Edukazzjoni is-Sur Evarist Bartolo, qegħdin naħdmu biex ikun hemm korsijiet fil-Ġurnaliżmu f’livell terzjarju f’pajjiżna.

Nixtieq nagħlaq b’xi ringrazzjamenti u appell. L-ewwel nett irrid inrodd ħajr lill-membri kollha tal-Kunsill tal-IĠM matul is-snin li taw il-kontribut tagħhom. Waqt li ma nixtieqx insemmi ħafna ismijiet, ma nistgħax ma nsemmix lil Joe A. Vella, li ta 24 sena servizz fosthom bħala Segretarju Onorarju, lil Mario Schiavone li ilu fil-Kunsill sa mill-bidu nett u ilu numru kbar ta’ snin jaqdi r-rwol ta’ Teżorier, u lil Carmel Bonello li ħadem għal snin twal fis-snin bikrin tal-Istitut. Insellem lil mibki Tony Montanaro, l-ewwel Chairman tal-Istitut, u lil Ray Bugeja, il-prediċessur tiegħi.

Nirringrazzja lil kull min ta sehmu kemm fuq il-Kunsill, fil-Kummissjoni Etika Ġurnalistika u fil-Fondazzjoni, immexxija mill-bidu nett mill-President Emeritu Ugo Mifsud Bonnici u bil-kontribut qawwi tat-Trustees l-oħra, fosthom Lino Spiteri, Tony Debono u Ray Sladden. Fuq nota personali, nirringrazzja lil marti Cecilia tal-paċenzja li ħadet u s-sostenn tagħha matul dawn l-14-il sena li ili mmexxi l-Istitut.

Jien dejjem ħdimt biex il-ġurnaliżmu f’Malta u Għawdex isib ir-rispett li jixraqlu u biex bħala professjoni tkun rikonoxxuta – bil-piżijiet u r-responsabiltajiet li jmorru ma’ dan ir-rikonoxximent. Din il-ħidma m’għandiex tieqaf hawn. L-appell tiegħu hu li l-ġurnalisti jibdew jaraw kif jistgħu jagħtu kontribut lill-Istitut u min imexxi l-media biex iħallu dawn in-nies validi jiġu ’l quddiem u jagħtu s-sehem tagħhom anki fil-Kunsill.

Għandna dejjem inħarsu ’lquddiem u nistinkaw biex din il-professjoni li ħafna minna ddedikajna ħajjitna għaliha ma tkunx strumentalizzata u biex permezz tal-edukazzjoni u l-qafas regolatorji qawwi naħdmu b’mod iktar seren. Grazzi.

 

Advertisements