Tislima lil Anton Cassar

M’hemmx dubju li Anton Cassar huwa ikona tal-ġurnaliżmu Malti. Intant kien hu  li għamel il-midja tal-Union Press bħala waħda mill-aktar popolari fil-midja lokali. Anton Cassar kien ukoll protagonista ewlieni fil-ħidma ġurnalistika tiegħu, kemm fil-hajja politika, soċjali kif ukoll prominenti ħafna fil-kwistjoni politiko-reliġjuża.

Anton Cassar (fin-nofs) waqt avveniment fil-Union Print. Fuq ix-xellug Joe Vella Bonnici u l-lemin Tony Zarb, Segretarju Generali tal-GWU, is-sid tal-Union Print.

Cassar beda l-ħidma tiegħu bħala ġurnalist mat-Times of Malta u Il-Berqa. Waqt li kien jaħdem ma’ t-Times, Joe Attard Kingswell, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, kien talbu biex jidħol jaħdem mal-Union Press, fejn beda jmexxi it-Torċa u fl-1962 inħatar editur ta’ l-orizzont. F’din l-istess sena Anton sofra l-ikbar piena ta’ ħajtu wara d-diżgrazzja li laqtet lil bintu ta’ sitt snin. Iktar tard Anton Cassar sar il-Kap tal-Pubblikazzjonijiet tal-Union Press u wara Segretarju Amministrattiv tal-istess Press.

Cassar kien strumentali fil-kwistjoni politiko-reliġjuża tas-snin Sittin meta bħala editur ta’ l-orizzont irnexxielu jwassal il-ġurnal fost anke dawk li kienu qed jiġġieldu lill-Partit Laburist, grazzi għal għaqal u s-serjetà li mexxa l-ġurnal f’dan il-perjodu diffiċli fl-istorja politika Maltija. M’hemmx dubju li bil-ħidma ġurnalistika tiegħu f’dan il-perjodu bħala editur ta’ l-orizzont Anton Cassar għamel lill-Partit Laburista aktar popolari.

Fil-qasam ġurnalistiku u letterarju Anton Cassar kien ukoll ta spazju lill-kittieba żgħażagħ tas-snin Sittin fil-ġurnali tal-Union Press biex jesprimu l-ħsibijiet progressivi tagħhom. Ħarreġ ukoll  numru kbir ta’ ġurnalisti żgħażagħ, fosthom uħud li għamlu  karriera brillanti fil-Union Press.

Fl-1999 Anton Cassar ingħata l-Gold Award fl-okkażjoni tal-Malta Journalism Awards. Apparti dan l-għarfien nazzjonali Anton Cassar  qala’ bosta tifħir għall-ħidma ġurnalistika tiegħu. Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo iddeskrivih btala “ribell kwiet li għen biex ibiddel is-soċjetà Maltija bil-mod sod u ġentili tiegħu”.

Ftit snin ilu Anton Cassar ippubblika l-bijografiji tiegħu Ħajti – Mhux  sena Kollha Ward u Żahar”.  Intant Alfred Sant, eks Prim Ministru u ħabib personali ta’ Anton Cassar għal iktar minn 30 sena,  iddeskriva  l-awtobiografija ta’ Anton Cassar   btala “affidavit personali u soċjali tal-aqwa ġrajjiet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin u l-għaqdiet il-kbar li ddefendew l-interessi tagħhom fl-aħħar 70 sena, il-General Workers’ Union u l-Partit Laburista”.

Anton Cassar kien attiv ħafna fil-hajja soċjali u kulturali. Kien President tal-klabb tal-banda tal-Marsa kif ukoll attiv fil-klabb tar-regatta. Kien ukoll viċin il-kleru tal-parroċċa tal-Marsa.

Anton baqa’ jikteb regolarment fil-ġurnal li welled hu sa ftit ġimghat ta’ ħajtu.

Ħalla jikbuh lill-martu Maria, u t-tfal tiegħu.

Sors: l-orizzont

Advertisements