Diskors miċ-Chairperson tal-IĠM Malcolm J. Naudi – Tħabbir tal-finalisti tal-Malta Journalism Awards

Merħba, min-naħa tiegħi, għal din l-okkażjoni, fejn l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jistieden l-Isponsors tal-Malta Journalism Awards biex iħabbru huma stess il-finalisti. Din issa saret parti integrali tal-kalendarju tal-Awards.

Bħalma għamilna s-sena l-oħra, għal din iċ-ċerimonja qasira, iżda għalina fl-Istitut xorta waħda importanti ħafna, lqajna l-istedina ta’ sponsor li ilu snin twal jappoġġa l-ġurnaliżmu f’pajjiżna, il-Farsons Foundation, biex din issir f’dan il-post modern fil-Birrerija ta’ Farsons. Ta’ din nirringrazzjahom bil-qalb.

Din is-sena wkoll nilqgħu żewġ sponsors ġodda: Hamilton Travel fil-kategorija ta’ Ġurnaliżmu dwar l-Ivvjaġġar u l-Crystal Finance Investments fil-kategorija tal-Gurnalizmu dwar l-Isports – Stampat. Grazzi lilkom tal-appoġġ li wrejtu lill-Istitut f’dan ir-rigward.

Qegħdin mill-ġdid fi żmien ta’ kampanja elettorali. Il-pressjoni fuq il-media, mhux biss dawk tal-partiti u istituzzjonali, tiżdied hekk kif toqrob id-data ta’ dawn l-elezzjonijiet. L-appell tal-Istitut, kif dejjem nagħmlu, hu biex nirrispettaw il-fatti, inġibu ruħna b’mod etiku lejn is-sorsi tagħna u l-udjenza tagħna, u, fuq kollox, noqogħdu lura milli ndaħħlu opinjoni fi stejjer ta’ aħbarijiet.

F’soċjetà demokratika, il-media – permezz tal-editorjali u l-opinjonisti tagħhom – għandhom ikunu fil-libertà li jinterpretaw dak li qed jiġri kemm f’pajjiżna u lil hinn minnha. Illum, pero’ hemm ukoll il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, sors alternattiv ta’ opinjoni, li xorta jridu jirrispettaw il-liġijiet tal-pajjiż.

Biex niġu lura għas-serata ta’ llejla, f’isem l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin nirringrazzja u nuri l-apprezzament tiegħi personali u tal-Kunsill lill-isponsors kollha, speċjalment dawk li jkomplu jagħtu l-appoġġ tagħhom lil dawn l-Awards sena wara l-ohra.

Nirringrazzja lill-Bord tal-Ġurija li kull sena jkollhom biċċa xogħol iebsa biex jiġġudikaw dawn l-awards bis-70 sottomissjoni li kellna din is-sena.

Qabel nagħlaq, nirringrazzja lill-Finalisti kollha u dawk kollha li taw u qed jagħtu sehemhom biex din it-24 edizzjoni tal-Malta Journalism Awards tkun success. Nerġgħu niltaqgħu għas-serata finali fit-3 ta’ Mejju.

Advertisements