Diskors taċ-Chairman tal-IĠM Malcolm J. Naudi waqt it-tħabbira tal-Finalisti tal-MJA 2013

Nagħtikom merħba għal din l-okkażjoni tradizzjonali fejn l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jistieden l-Isponsors tal-Malta Journalism Awards biex iħabbru huma stess il-finalisti.

Din is-sena, għal din iċ-ċerimonja qasira, iżda għalina fl-IĠM xorta waħda importanti ħafna fil-kalendarju annwali tal-Awards, laqajna l-istedina ta’ SmartCity biex din issir hawnekk. Ta’ din nirringrazzjahom bil-qalb.

Din is-sena wkoll nilqgħu żewġ sponsors ġodda: GO plc fil-kategorija ta’ Ġurnaliżmu Stampat – Features; u Turkish Airlines fil-kategorija ta’ Ġurnaliżmu fuq l-Ivvjaġġar. Grazzi lilkom tal-appoġġ li wrejtu lill-Istitut f’dan ir-rigward.

F’dawn l-aħħar jiem rajna reazzjoni kbira għal kumment tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin fuq il-ħtieġa li l-media partiġġjana għanda tkun imrażżna. Dr George Vella kellu numru ta’ okkażjonijiet li fihom iċċara aħjar din l-istqarrija u naħseb li wasal iż-żmien li l-Istitut jgħid kif iħares hu lejn din il-kwistjoni.

Ilna numru ta’ snin naħdmu biex nagħtu l-kontribut tagħna biex ikun hemm leġislazzjoni li tiġbor il-liġijiet kollha tal-istampa f’qafas wieħed. Dejjem sostnejna li l-media għandha tkun awtoregolamentata u, jekk il-media tal-partiti jiddiċiedu jnaqqsu t-ton aggressiv lejn xulxin, dan ikun għall-ġid tal-professjoni u l-pajjiż.

Nemmnu li wasaq iż-żmien biex ikun hemm kodiċi ta’ etika komuni għall-media kollha u għal dan il-għan se norganizzaw konferenza nazzjonali iktar tard din is-sena biex il-media houses kollha fil-pajjiż jaċċettaw kodiċi komuni.

Biex niġu lura għas-serata ta’ llejla, f’isem l-IĠM nirringrazzja u nuri l-apprezzament tiegħi personali u tal-Kunsill lill-isponsors kollha, speċjalment dawk li jkomplu jagħtu l-appoġġ tagħhom lil dawn l-Awards sena wara l-ohra.

Nirringrazzja lill-Bord tal-Ġurija li kull sena jkollhom biċċa xogħol iebsa biex jiġġudikaw dawn l-awards bil-55 sottomissjoni li kellna din is-sena.

Qabel nagħlaq, nirringrazzja lill-Finalisti kollha u dawk kollha li taw u qed jagħtu sehemhom biex din it-23 edizzjoni tal-Malta Journalism Awards tkun success.

Grazzi.

Advertisements