SOLIDARJETA MAL-EDITUR TALJAN LI NTBGĦAT IL-ĦABS

Stqarrija għall-Istampa 11/2012

Data: 29 ta’ Novembru 2012

 

F’Malta ukoll għandu jitneħħa l-ħabs f’libell kriminali..

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin esprima s-solidarjeta’ tiegħu mal-ġurnalist u editur Taljan Alessandro Sallusti li ngħata sentenza ta’ 14-il xahar ħabs u lbieraħ beda jiżamm taħt arrest preventiv temporanju fid-dar tiegħu.

L-editur tal-ġurnal Taljan Il Giornale ingħata din is-sentenza ta’ ħabs fuq l-argument li frażi partikolari li dehret f’artiklu mhux miktub minnu lura fl-2007 meta kien editur ta’ ġurnal ieħor – Libero —  kienet tikkostitwixxi f’difamazzjoni u libell.

L-Istitut jemmen li din is-sentenza hi medjevali, bhalma huma medjevali l-liġijiet Maltin li sal-lum għadhom jippermettu li ġurnalisti Maltin jistgħu jintbagħtu l-ħabs f’każijiet ta’ libelli kriminali.

L-artiklu oriġinali li wassal għall-priġunerija tal-editur Alessandro Sallusti ffoka fuq sentenza tal-Qorti mogħtija minn Maġistrat Taljan fejn fiha l-Qorti tat permess biex tifla ta’ 13-il sena titħalla tagħmel abort.

L-artikolist li aktar tard identifika lilu nnifsu bħala l-Membru Parlamentari Taljan tal-PDL Renato Farina, kien sostna li kieku fl-Italja kienet teżisti l-piena kapitali l-Maġistrat, il-ġenituri tat-tifla u l-ginekologu li wettaq l-abort kellhom jingħataw il-piena tal-mewt.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin saħaq li s-sentenza mogħtija lill-editur Sallusti tmur kontra l-prinċipju tal-liberta’ tal-istampa — kif inħaddna sew mill-Ġnus Magqħuda (ĠM) kif ukoll mill-Unjoni Ewropea (UE) — u appella lill-awtoritajiet Taljani biex jirrevedu l-liġijiet antiki.

L-IĠM appella lill-Gvern Malti biex hu wkoll, wara tant xhur ta’ diskussjoni, mill-kliem jgħaddi għall-fatti u jemenda l-liġijiet Maltin b’tali mod li filwaqt li kull min juża l-pinna għandu jkun responsabbli għal emilu, titneħħa l-possibbilta’ li ġurnalist jispiċċa l-ħabs.

L-IĠM appella lill-Gvern Malti biex hu wkoll, wara tant xhur ta’ diskussjoni, mill-kliem jgħaddi għall-fatti u jemenda l-liġijiet Maltin b’tali mod li filwaqt li kull min juża l-pinna għandu jkun responsabbli għal emilu, titneħħa l-possibbilta’ li ġurnalist jispiċċa l-ħabs hekk kif il-piena ta’ ħabs għal libell kriminali għandha titneħħa darba għal dejjem.

S’issa l-Gvern Malti qatt ma kellu l-kuraġġ politiku u morali li jneħħi l-ħabs għal dan ir-reat minkejja diversi rappreżentazzjonijiet matul l-aħħar 20 sena sew mill-Istitut innifsu kif ukoll minn bosta organizzazzjoni internazzjoni bħall-Kunsill tal-Ewropa u  l-UE nnifisha.

 

Advertisements