Diskors ta’ Malcolm J. Naudi – Serata meta tħabbru l-finalisti fit-22 edizzjoni tal-Malta Journalism Awards

Diskors ta’ Malcolm J. Naudi, Ċermen, Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, Fis-serata meta tħabbru l-finalisti fit-22 edizzjoni tal-Malta Journalism Awards:

Nagħtikom merħba għal din l-okkażjoni tradizzjonali fejn dalwaqt insiru nafu min huma l-finalisti ta’ din is-sena.

Filwaqt li din tkun ċerimonja qasira, xorta waħda l-IĠM iqis li hija avveniment importanti fil-kalendarju annwali tal-Malta Journalism Awards. Din hi s-serata fejn l-Isponsors stess iħabbru l-Finalisti fil-kategoriji rispettivi li huma sponsorjaw.

Tajjeb li ngħidu li din is-sena daħħalna tlett kategoriji ġodda.

L-Awtorità tax-Xandir aċċettat li tisponsorja kategorija ġdida fil-qasam tax-xandir – Ġurnaliżmu Mxandar – TV Script Features. B’hekk minn din is-sena l-Awtorità qegħda tisponsorja erbgħa kategoriji. Permezz ta’ din il-kategorija ġdida stajna nqassmu il-kategorija tax-xandir – TV script fi tnejn: aħbarijiet u features.

Għandna sponsor ġdid, Middlesea Insurance plc. Grazzi għas-sapport tagħhom, stajna nqassmu l-kategorija Ġurnaliżmu Sportiv bejn dak stampat u dak imxandar. Waqt li l-Fond tal-Kawżi Ġusti żammew il-kategorija mxandra, Middlesea Insurance qegħdin jisponsorjaw il-katogorija stampata.

Jiddispjaċini li għandi nħabbar li, allavolja kellna seba’ sottomissjonijiet fit-tielet kategorija ġdida, Nippromwovu Djalogu Inter-Kulturali, sponsorjata mill-Proġett Media InterAct, b’fondi mill-Unjoni Ewropeja, il-ġurija kienet tal-parir li ebda minnhon.

F’isem l-IĠM nirringrazzja lill-isponsors kollha, speċjalment dawk li jkomplu jagħtu l-appoġġ tagħhom lil dawn l-Awards sena wara l-oħra, jew fil-każ tal-Awtorità tax-Xandir, kabbru l-impenn tagħhom lejn dawn l-Awards nazzjonali.

Din is-sena l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qiegħed iħejji sensiela ta’ inizjattivi ġodda biex ikun iktar rilevanti għall-membri u biex ikun iktar viċin lejn il-ġurnalisti kollha f’Malta u Għawdex. L-ewwel inizjattiva hi kwestjonarju biex tkunu tistgħu tgħinuna nħossu l-polz tal-media f’pajjiżna u tagħtuna direzzjoni fejn tixtiequ li tmur l-IĠM.

Fil-jiem li ġejjin, dan il-kwestjonarju se jitqassam elettronikament lill-membri u fil-kmamar tal-aħbarijiet madwar il-pajjiż. Inħeġġiġkom tagħtuna r-risposti tagħkom fiż-żmien stipulat biex b’hekk ikollna data dettaljata mingħand kulħadd f’dan il-qasam.

Nirringrazzja lill-Bord tal-Ġurija li kellhom biċċa xogħol iebsa biex jiġġudikaw dawn l-awards bid-69 parteċipant li kellna din is-sena.

Qabel nagħlaq, nirringrazzja lill-Finalisti kollha u dawk kollha li taw u qed jagħtu sehemhom biex din it-22 edizzjoni tal-Malta Journalism Awards tkun suċċess.

Grazzi.

Advertisements