Kundanna mill-IĠM wara li ġurnalist ġie mfixkel f’xogħlu

STQARRIJA STAMPA : 14 TA’ FRAR 2018

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) jikkundanna l-mod kif ġurnalist ġie mfixkel milli jagħmel xogħlu waqt li lbieraħ filgħaxija kien qed jirrapporta l-andament tal-laqgħa pubblika tal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.
Kif juru filmati mxandra, il-ġurnalist kien qed jiffilmja bil-mobile tiegħu, meta f’ħin minnhom ġie mxekkel waqt il-qadi ta’ dmirijietu minn persuna li kienet preżenti fis-sala fejn kienet qed issir il-laqgħa.
L-IĠM itenni l-importanza tar-rispett lejn ix-xogħol tal-ġurnalisti mill-pubbliku, filwaqt li jappella biex ġurnalisti jitħallew jagħmlu xogħlhom mingħajr ma jkunu f’riskju waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.
Advertisements

ĊIRKOLARI LILL-MEMBRI TAL-IĠM

ĊIRKOLARI LILL-MEMBRI TAL-IĠM

Għeżież membri,

Skont l-istatut tal-IĠM il-Laqgħa Ġenerali Annwali kienet ippjanata biex issir f’Jannar.

Il-Kunsill iħoss li minħabba żviluppi importanti li qed nistennew fi ftit ġimgħat oħra u li se jkunu jinħtieġu bidliet fl-istatut fl-isfond tal-Liġi li qed tkun diskussa fil-Parlament dwar il-Medja u d-Defamazzjoni, il-Kunsill qed jipproponi li l-Laqgħa Ġenerali tkun posposta sakemm l-imsemmija Liġi tkun approvata mill-Parlament u jkunu jistgħu jsiru l-emendi meħtieġa.

Id-data tal-Laqgħa Ġenerali tkun komunikata lilkom aktar ‘l quddiem malli jseħħu l-iżviluppi msemmija li mistennija jagħtu aktar saħħa lill-Istitut biex ikun f’pożizzjoni aħjar jgħin biex il-professjoni tagħna tkompli miexja ‘l quddiem.

L-IĠM jinnota l-mozzjoni li tressqet fil-Parlament dwar is-SLAPP

STQARRIJA STAMPA : 16 TA’ JANNAR 2018

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin jinnota b’sodisfazzjon li quddiem il-Parlament tressqet mozzjoni bl-iskop li ssir emenda fil-liġi biex tipproteġi lill-ġurnalisti u lill-medja lokali milli jkollhom jiffaċċjaw kawżi fi Qrati barranin li jistgħu jwasslu għar-rovina finanzjarja tagħhom permezz ta’ kawżi magħrufa bħala SLAPP – Strategic Lawsuits Against Public Participation.

F’laqgħat li l-IĠM kellu riċentement kemm ma’ Ministru Owen Bonnici kif ukoll ma’ rappreżentanti tal-Oppożizzjoni, l-Istitut tal-Ġurnalisti Malti tkellem dwar din il-problema li laqtet numru ta’ mezzi tal-media lokali u talab liż-żewġ naħat biex jaraw kif jistgħu jitħarsu l-interessi tal-media lokali u magħha il-libertà tal-espressjoni.

Il-mozzjoni mressqa fil-forma ta’ Private Members’ Bill mill-Oppożizzjoni għandha l-iskop li jkun emendat il-Kodiċi ta’ Organiżazzjoni u Proċedura Ċivili bl-iskop li l-Qrati Maltin ikollhom il-poter li “ma jippermettux kawżi miġjuba minn Qrati barra minn Malta meta dawn ikunu maħsuba biex jiċċensuraw, jintimidaw jew iwaqqfu xi forma ta’ kritika milli ssir f’Malta billi jġiegħlu lill-organizazzjonijiet ta’ pubblikazzjoni jħallsu spejjeż legali projbittivi”.

L-IĠM għandu għax jaħseb li din m’hix liġi kontroversjali u għandha ssib l-appoġġ taż-żewġ naħat tal-Parlament, wara li fil-laqgħa mal-Gvern, il-Ministru Bonnici qal lill-membri tal-Kunsill tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin li f’Malta ma tistax issir is-SLAPP, imma se jara kif din tista’ tiġi ndirizzata meta ssir minn entitatjiet barranin fuq il-media Maltija.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin qed jappella wkoll biex tinstab data fil-qrib biex il-Private Members’ Bill tkun diskussa fl-istess waqt li l-Liġi dwar il-Medja u d-Defamazzjoni waslet fi stadju ta’ Kumitat quddiem il-Parlament.  Dan sabiex ikomplu jissaħħu l-libertà tal-istampa u tal-espressjoni f’pajjiżna u jagħtu l-protezzjoni meħtieġa lill-ġurnalisti Maltin.

L-IĠM iniedi t-28 edizzjoni tal-Malta Journalism Awards

 

Press Conference IGM Awards

Iċ-Chairperson tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) Norma Saliba u  Roderick Agius (l-organizzatur tal-MJA’s) waqt it-tnedija tat-28 Edizzjoni tal-kompetizzjoni annwali ghall-gurnalisti

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) bl-appoġġ tal-Awtorità tax-Xandir nieda t-28 edizzjoni tal-kompetizzjoni annwali għall-ġurnalisti magħrufa bħala l-Malta Journalism Awards fejn hemm 21 kategorija.

Apparti mill-ġurnalisti nfushom, anki l-Edituri u l-Kapijiet tal-Kamra tal-Aħbarijiet jistgħu jagħżlu u jissottomettu xogħol ta’ ġurnalisti li jidhrilhom li hu ta’ livell għoli għal dawn l-Awards. Is-sottomissjonijiet jistgħu jintbagħtu wkoll minn organizzazzjonijiet, korporazzjonijiet jew għaqdiet.

Fil-kazi kollha jrid ikun hemm il-kunsens tal-ġurnalist billi timtela’ l-parti konċernata fil-Formola tal-Applikazzjoni qabel tintbagħat is-sottomissjoni mill-Editur, Kap tal-Kamra tal-Aħbarijiet jew organizzazzjoni, korporazzjoni jew għaqda.

Iċ-Chairperson tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM) Norma Saliba qalet: “Se nkunu qed inkomplu nżidu iktar kategoriji għall-edizzjoni li jmiss tal-IGM Awards biex inwessgħu r-rikonoxximent li jixraq jingħata lill-ġurnalisti, fotografi, cameramen, opinjonisti u preżentaturi li matul is-sena jkunu mpenjaw ruħhom biex jagħmlu xogħolhom. Din is-sena se jkun hemm tliet kategoriji ġodda mat-18 li issa stabbilixxew ruħhom fl-edizzjonijiet li għaddew tal-IGM Awards.

Inħeġġeġ lill-membri tal-media lokali biex jikkonkorru bi ħġarhom f’dawn l-unuri għax minbarra l-prestiġju, dawn l-awards jirrikonoxxu l-isforzi li jsiru biex il-pubbliku jkollu rappurtaġġ li jesponi liberament ideat varji li jirrifletti r-realtajiet li għaddejja minnhom is-soċjetà Maltija bħalissa.”

 

press-conference-igm-awards-2.jpg

Il-21 kategorija huma:

Kategoriji ta’ Ġurnaliżmu Stampat:

  • Ġurnaliżmu Stampat
  • Ġurnaliżmu Fotografiku – sponsorjata minn The Farsons Foundation

 Kategorija ta’ Ġurnaliżmu Stampat/Imxandar:

  • Ġurnaliżmu Investigattiv Stejjer Umani – sponsorjata mill-Malta Public Transport

Kategoriji ta’ Ġurnaliżmu Mxandar:

  • Ġurnaliżmu Mxandar – Skript Televiżiv Aħbarijiet
  • Ġurnaliżmu Mxandar – Skript Televiżiv Features
  • Ġurnaliżmu Mxandar – Filmat
  • Ġurnaliżmu Mxandar – Radju Aħbarijiet
  • Ġurnaliżmu Mxandar – Radju Ġrajjiet Kurrenti

E-kategorija:

  • Ġurnaliżmu Elettroniku – sponsorjata minn SmartCity Malta

 Kategoriji Oħra:

  • Ħidma Ġurnalistika barra minn Malta – sponsorjata minn Brittania Tours
  • Ġurnaliżmu Sportiv – Stampat
  • Ġurnaliżmu Sportiv – Imxandar – sponsorjata mill-Fond għall-Kawżi Ġusti
  • Fotografija Sports – sponsorjata mill-Malta Gaming Authority
  • Ġurnaliżmu Kulturali – sponsorjata mill-Awtorità Maltija tat-Turizmu
  • Ġurnaliżmu Ambjentali – sponsorjata mill-Green Pak Coop Society
  • Artikli ta’ Opinjoni – AX Holdings Limited
  • Premju ta’ Rikonoxximent għal rappurtaġġ etiku u pożittiv fil-qasam tad-diżabilità – sponsorjat mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità, KNPD
  • Il-Lingwa Maltija fil-Ġurnalżmu – sponsorjata mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti

 

Kategoriji Speċjali:

Valletta 2018 – sponsorjata mill-Fondazzjoni Valletta 2018

  • Premju li jirrikonoxxi r-rappurtaġġ ġurnalistiku stampat marbut max-xogħol tal-Fondazzjoni Valletta 2018 b’risq il-belt kapitali
  • Premju li jirrikonoxxi r-rappurtaġġ ġurnalistiku mxandar marbut max-xogħol tal-Fondazzjoni Valletta 2018 b’risq il-belt kapitali

Iż-żewġ awards se jirrikonoxxu x-xogħol ġurnalistiku li jkun kopra l-ħidma u l-attivitajiet tal-Fondazzjoni Valletta 2018 mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Diċembru tal-2017.

 

Turiżmu – sponsorjata mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu

  • Rapport jew feature pubblikat fil-gazzetta jew rivisti, inkella programm li xxandar fuq it-televiżjoni jew radju
  • Prominenza lill-industrija lokali tat-turiżmu, inkluż wkoll aspetti speċifiċi tas-settur turistiku lokali
  • Promozzjoni għax-xogħol tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u/jew tal-Ministeru tat-Turiżmu; jew rappurtaġġ dwar l-inizjattivi u attivitajiet organizzati mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu
  • Żieda fl-għarfien dwar l-importanza tat-turiżmu u l-bżonn li tkun salvagwardata s-sbuħija u l-awtentiċità tal-Gżejjer Maltin.

 

Għall-kategoriji speċjali, il-ġurija se tkun magħmula minn rappreżentant maħtur mill-Fondazzjoni Valletta 2018 u mill-Awtorità tat-Turiżmu flimkien mat-tliet membri tal-ġurija li jinħatru biex jevalwaw is-sottomissjonijiet li jipparteċipaw fl-edizzjoni annwali tal-Malta Journalism Awards.

Gold Award:

Din is-sena l-Edizzjoni tal-Gold Award se tkun sponsorjata għal darb’ oħra bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Tumas Fenech għall-Edukazzjoni fil-Ġurnaliżmu.

Linji Gwida:

Fuq parir tal-ġurija ta’ edizzjonijiet preċedenti, l-Istitut jixtieq li l-ġurnalisti josservaw il-punti li ġejjin qabel ma jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom:

  1. fil-kategorija ‘Ħidma Ġurnalistika barra minn Malta” għandu jkun sottomess biss xogħol li ġurnalist ikun għamel barra minn Malta;
  2. kull sottomissjoni fil-kategoriji Ġurnaliżmu Mxandar Skript Televiżiv u Ġurnaliżmu Mxandar – bir-Radju għandu jkollha wkoll l-iskript rispettiv;
  3. l-istess xogħol ġurnalistiku/sensiela ma tistax tkun sottomessa f’aktar minn kategorija waħda;
  4. d) il-ġurnalisti għandhom jippreżentaw ix-xogħol tagħhom b’mod preżentabbli; u
  5. e) meta jagħżlu l-aħjar xogħol għas-sottomissjoni, il-ġurnalisti għandhom jagħżlu dejjem xogħol li juri etika ġurnalistika u li ma jkunx ibbażat fuq sensazzjonaliżmu.

 Premjijiet

L-ewwel tliet finalisti f’kull kategorija jirċievu ċertifikat. Kull rebbieħ tal-ewwel 16-il kategorija jingħata:

  1. rigal ta’ €200 fi flus;
  2. ċertifikat; u
  3. t-trofew tal-kategorija rispettiva.

Ir-rebbieħ tal-kategorija speċjali bl-isem ‘Il-Lingwa Nazzjonali fil-Ġurnaliżmu’ jingħata t-trofew tal-Malta Journalism Awards għal dik il-kategorija partikolari.

 

Il-Finalisti

Dawn se jitħabbru f’serata li mistennija ssir, it-Tnejn 26 ta’ Marzu 2018.

Ċerimonja tal-Preżentazzjoni

Ir-rebbieħa jitħabbru waqt ċerimonja tal-preżentazzjoni li mistennija ssir fil-5 ta’ Mejju 2018.

Miftuħa għal kulħadd

Kull ġurnalist Malti jista’ jieħu sehem fil-Malta Journalism Awards, irrispettivament jekk hux membru tal-IĠM jew le. Ix-xogħlijiet sottomessi kollha jkunu ġew ippubblikati jew imxandra bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Diċembru 2017.

Data tal-Għeluq

Is-sottomissjonijiet se jintlaqgħu nhar is-Sibt, 3 ta’ Frar 2018 fl-Uffiċċju tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, 280/3, Triq ir-Repubblika, il-Belt Valletta, bejn id-9am u 12pm. Dawk li mhumiex membri tal-IĠM u se jipparteċipaw huma mitluba jħallsu l-miżata tal-parteċipazzjoni.

Regolamenti u applikazzjonijiet jistgħu jinkisbu mingħand Roderick Agius fuq 99471549 inkella mill-websajt: www.igm.org.mt.

28TH EDITION REGULATIONS

28TH EDITION APPLICATION

 

Tmiem

 

The Institute of Maltese Journalists reacts to the arrests in relation to the assassination of Daphne Caruana Galizia

The Institute of Maltese Journalists is satisfied with the recent developments that have taken place in relation to the assassination of journalist Daphne Caruana Galizia killed by a car bomb on the 16th of October of this year.

The fact that tonight three people were arraigned in Court following their arrest and subsequent interrogation during these past two days marks a historic moment for the Institute where justice prevails in favour of freedom of the press.

The Institute of Maltese Journalists expresses its appreciation in particular the Malta Police Force, the Armed Forces of Malta and the Security Services that were supported by foreign experts for their relentless effort in the investigation carried out during these past seven weeks.

The Institute of Journalists is appealing to the government to introduce tougher punishment for persons convicted of a crime, assault, threat and/or intimidation against journalists. The Institute is also asking the government to immediately begin discussions that lead to adequate protection in such cases.